DELEGAZZJONI MINN JIN CHANG FIĊ-ĊINA TAGĦMEL ZJARA TA’ KORTESIJA LILL-VIĊI PRIM MINISTRU TONIO BORG
Delegazzjoni mid-distrett ta’ Jin Chang tal-Muniċipalita’ ta’ Suzhou fiċ-Ċina flimkien mas-Sindku u Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Lucija għamlet żjara ta’ kortesija lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Tonio Borg fl-uffiċċju tiegħu fil-Berġa ta’ Aragona.
Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ffirma ftehim ta’ ġemellaġġ mad-Distrett ta’ Suzhou f’Ġunju tas-sena 2000 li permezz tiegħu, iz-żewg lokalitajiet qablu li jiżviluppaw iktar koperazzjoni bejn iż-żewg lokalitajiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-oqsma tax-xjenza u teknoloġija, kultura u edukazzjoni.
Id-distrett ta’ Jin Chang tal-Muniċipalità ta’ Suzhou huwa magħruf bħala distrett kummerċjali l-iktar f’dik li hija teknoloġija kif ukoll fis-settur turistiku. Dan imur lura lejn żmien il-qedem, speċjalment matul id-Dinastiji tal-Ming u Qind, Jin Chang kien ikkunsidrat bħala ċentru kummerċjali.
Wara li ta merħba lid-delegazzjoni Ċiniża, il-Viċi Prim Ministru qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li jara lil għadd ta’ kunsilli lokali Maltin fi ftehim ta’ gemellaġġ ma’ lokalitajiet ohra f’pajjizi kemm Ewropej kif ukoll ohra, iktar imbeghdin bhal fil-kaz ta’ Suzhou.
Dawn il-ġemellaġġi jservu biex ċittadini minn pajjiżi diversi, b’kulturi differenti, jersqu iktar viċin biex jikkoperaw f’diversi oqsma. Huwa qal li bħalissa hawn 35 Kunsill Lokali Malti li għandhom 40 ġemellaġġ ma’ lokalitajiet f’diversi pajjiżi, l-iktar Ewropej, imma bħal fil-każ ta’ Santa Luċija ma’ pajjiżi bħaċ-Ċina u anki l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Id-delegazzjoni Ċiniża kienet magħmula minn Xu Hui Min - Gvernatur Distrettwali tal-Muniċipalita’ ta’ Suzhou, Chen Xiao Long - Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Jin Chang, Yu Rui Zhen - President tal-Kumpanija għall-Iżvilupp Ekonomiku, u Wu Yu Ming - General Manager ta’ Shi Lu International Commercial Town.
Minn naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Lucija kien hemm preżenti s-Sindku, Frederick Cutajar, u l-Viċi Sindku Joe Balzan.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951