ĦADDIEMA TAL-GVERN IMPENJATI FIL-BINI TA’ L-AĦĦAR PARTI TAL-KORSA TA’ L-ILMA ĠDIDA FIL-MARSA
Bl-għajnuna ta’ miljun Euro mill-fond ta’ Solidarjeta’ ta’ l-Unjoni Ewropea, matul l-aħħar sentejn twettqu bosta xogħlijiet relatati ma’ prevenzjoni mill-għargħar. Enfasi partikolari ngħatat għal inħawi tal-Marsa u Ħal Qormi. Ix-xogħol kollu mwettaq fuq dan il-proġett sar minn ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Dan sostnieh il-Ministru Ninu Zammit meta żar l-aħħar fażi ta’ xogħlijiet fil-Menqa tal-Marsa. Il-kanal eżistenti qed jitwessa’ minn 8 metri għal 16-il metru għal tul ta’ 120 metru. Flimkien ma’ dan ix-xogħol, qed tinbena fergħa ġdida, wiesa’ 12-il metru u twila 160 metru, li mill-kanal eżistenti twassal sa Xatt il-Mollijiet. Din il-fergħa qed tinbena sabiex jiġi evitat li jsir intervent fuq bini storiku.
Wara iċ-ċaqlieq ta’ 5 cables ta’ l-elettriku high tension u wieħed low tension, kif ukoll 9 cables tat-telefon u żewġ mains ta’ l-ilma, bħalissa għaddej it-tqegħid ta’ precast units biex jiġi ffurmat il-ġenb tal-kanal. Dawn il-150 unit tal-konkos inħadmu fl-aħħar xhur mill-istess ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Sabiex jitpoġġew il-precast units li se jiffurmaw il-ġenb tal-kanal (embankments) irid isir skavar ta’ 20,000 metru kubu ta’ materjal. Wara li jitneħħa dan il-materjal, jridu jitpoġġew 1,800 vaża tal-ġebel mal-ġnub tal-kanal u finalment jingħata qiegħ tal-konkos, li jammonta għal 2,960 metru kwadru.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ pont f’Xatt il-Mollijiet fejn il-kanal il-ġdid jiżbokka fil-baħar. Dan il-bridge ser ikun qed iserraħ fuq piles tal-konkos u ser ikun magħmul minn 60 travu tal-konkos prestressed.
Il-Ministru Zammit ta rendikont tax-xogħol kollu li twettaq relatat mal-prevenzjoni mill-għargħar, liema xogħol beda wara l-maltempata ta’ Settembru 2003. Matul l-2004, twettqet ħidma kbira sabiex twessa’ l-kanal ta’ 1,200 metru li minn Ħal-Qormi jwassal għal Marsa minn 8 metri għal 12-il metru. Inbnew ukoll żewġ pontijiet tul din il-korsa ta’ l-ilma, bħala aċċess għal faċilitajiet sportivi fil-Marsa. Il-kanal ingħata wkoll wiċċ tal-konkos sabiex jiffaċilita l-korsa tal-ilma. Inbena mill-ġdid pont ieħor ta’ 12 -il metru fi Triq l-Iljun, proprju wara l-birrerija Lowenbrau. Id-disinji ta’ dawn ix-xogħlijiet twettqu kollha mill-Periti tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Fl-aħħar sentejn, ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet naddfu ’l fuq minn 13-il kilometru ta’ widien minn veġetazzjoni, skart mormi b’mod illegali u kull tip ta’ materjal ieħor li kien qed jimblokka il-korsa ta’ l-ilma.
Fix-xhur li ġejjin se jibda ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-wied ta’ Burmarrad. Dan il-proġett għandu jwassal biex itaffi bil-kbir il-problema ta’ għargħar fl-inħawi tas-Salini u Burmarrad. Se jkunu wkoll il-ħaddiema tal-Gvern li jwettqu dawn ix-xogħlijiet.
Issa jmiss li permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastuttura jidħol għal proġett ta’ skala ferm ikbar. Dak li jibni kilometri ta’ mini taħt l-art bil-għan li jipprevjeni l-għargħar li jibda minn Ħal-Lija sa l-Imsida. Dan il-proġett huwa stmat li jaqbeż it-tmenin miljun Euro. Il-Ministru Zammit spjega li dan il-proġett issa tfassal mill-esperti fi ħdan il-Ministeru u se jitressaq quddiem il-Kabinett għal deċiżjoni finali. Dan juri l-impenn tal-Gvern sabiex jipprevjeni l-għargħar fit-tlett żoni prinċipali ta’ pajjiżna, li għal numru kbir ta’ snin, ilhom isofru minn dawn il-problemi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951