Left arrow Mur Lura

Programm ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-artiġjanat –  EUR 295,000 investiti fis-settur ta’ l-artiġjanat

pr0183
Date Icon 08/02/2006

“Għal darb’oħra qegħdin nagħmlu sejħa pubblika għal min jixtieq jieħu sehem fi programm ta’ l-Unjoni Ewropea u li jaħdem fis-settur tal-manifattura taċ-ċeramika.  Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed applika biex jieħu sehem fil-programm ta’ l-Interreg, u issa ser inkunu qegħdin naħdmu biex artiġjana Maltin jipparteċipaw f’dan il-proġett.”  Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn saret din is-sejħa pubblika.   

Is-Segretarjat ser ikun qiegħed jipparteċipa f’dan il-Programm flimkien mal-lokalitajiet ta’ Sciacca u Burgio fi Sqallija, mas-Socjeta` Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ, mal-Maltese Italian Chamber of Commerce, mal-Confartigianato u mas-CNA.  Il-lokalitajiet ta’ Sciacca u Burgio fi Sqallija, huma famużi għall-manifattura taċ-ċeramika u artiġjana Maltin ser ikollhom l-opportunita` li jaqsmu esperjenzi ma’ artiġjana minn dawn il-lokalitajiet.  Il-parteċipazzjoni f’dan il-programm min-naħa tas-Segretarjat saret ukoll b’kollaborazzjoni ma’ l-Impetus Europe Consulting Group.   

Is-Segretarju Parlamentari Vassallo kompla billi jgħid li “l-parteċipazzjoni f’dan il-programm huwa pass ieħor fl-impenn tagħna li naċċertaw li 300 imprenditur Malti jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.  Fil-fatt, permezz ta’ dan il-programm ser ikun hemm 50 imprenditur li ser jipparteċipaw fi proġett ta’ l-Unjoni Ewropea.  Dan il-programm għandu ħafna vantaġġi għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur taċ-ċeramika u fil-fatt qiegħed isir investiment totali ta’ EUR 295,930 f’dan il-proġett, li jissarfu f’opportunitajiet għal artiġjana Maltin u Taljani.  70% minn dan l-ammont huma fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li t-30% l-oħra ser isiru permezz ta’ kontribuzzjonijiet, kemm fi flus u kontribuzzjonijiet oħra, minn dawk li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett. 

L-objettivi ta’ dan il-proġett huma ħafna, u fost l-oħrajn ser ikun hemm:

§          Feasibility Study b’kollaborazzjoni ma’ l-Italja u pajjiżi oħra fil-Mediterran

§          Studju, diżinn u ħolqien ta’ prodotti Mediterranji taċ-ċeramika u ċ-ċaqquf

§          Vjaġġi apposta u reklamar ta’ artiġjanat f’Malta u Sqallija

§          Żvilupp ta’ web-site dwar l-artiġjanat

§          Lista ta’ ċeramisti Maltin

§          Borża ta’ studju fi Sqallija għal studenti tal-kulleġġ ta’ l-MCAST ta’ l-Art and Design

§          25 ċeramist jkunu jistgħu jattendu symposium dwar din is-sengħa fi Sqallija

§          20 aġenzija tal-vjaġġi ser jikkollaboraw ma’ sħab Sqallin dwar skambji turistiċi bejn iż-żewġ pajjiżi

§          Ħames rappreżentanti ta’ skejjel ser ikunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar il-prodotti artiġjanali u dwar ċeramika fl-Italja. 

Hemm numru ta’ benefiċji li ser tieħu Malta bil-parteċipazzjoni f’dan il-programm.  Fost dawn hemm:

§             Promozzjoni aħjar taċ-ċeramika u ċ-ċaqquf f’Malta

§             Lista ta’ ċeramisti Maltin

§             Studju tal-faċilitajiet turistiċi rrelatati ma’ l-industrija ta’ l-artiġjanat

§             Kollaborazzjoni aħjar ma’ artiġjana Sqallin li huma sħab f’dan il-proġett.

§             Identifikazzjoni ta’ kollaborazzjoni fil-ġejjieni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-industrija ta’ l-artiġjanat. 

L-Onor. Edwin Vassallo kompla billi qal li “l-impenn tal-Gvern huwa li jara li negozji żgħar iħarsu lejn is-swieq f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, għaliex f’dawk is-swieq hemm possibiltajiet fejn inkabbru n-negozji tagħna.  Fil-qasam tal-manifattura taċ-ċeramika rridu nħarsu lejn manifattura li twassal għall-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud.  Jekk ikollna dawn il-prodotti ta’ kwalita` għolja biss, inkunu kapaċi nilqgħu għall-isfida li jiffaċċja l-artiġjanat Malti minn prodotti importati, partikolarment miċ-Ċina. 

“Attenzjoni partikolari ser tingħata lil negozji li għandhom il-konvenju f’Ta’ Qali, għaliex hemmhekk il-Gvern ukoll huwa mpenjat li jara li dawk is-sidien jirritornaw għall-manifattura b’valur miżjud, manifattura ta’ kwalita`, oriġinalita` u ġenwinita`.  Dan il-programm huwa maħsub li jlaqqa’ flimkien artiġjana li jispeċjalizzaw fil-manifattura ta’ ċeramika minn reġjuni differenti u qiegħed jinħadem bi sħab bejn Malta u Sqallija.” 

Fi tmiem il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari spjega li “d-deċiżjoni li dan il-programm jiġi mniedi ġo kulleġġ ta’ l-MCAST huwa għaliex attenzjoni partikolari ser tingħata lil ex-studenti ta’ dan il-kulleġġ li diġa’ tħarrġu fil-manifattura ta’ dawn il-prodotti, u lil studenti li bħalissa qegħdin jitgħallmu t-teknika tal-produzzjoni taċ-ċeramika.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow