Programm ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-artiġjanat – EUR 295,000 investiti fis-settur ta’ l-artiġjanat
“Għal darb’oħra qegħdin nagħmlu sejħa pubblika għal min jixtieq jieħu sehem fi programm ta’ l-Unjoni Ewropea u li jaħdem fis-settur tal-manifattura taċ-ċeramika. Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed applika biex jieħu sehem fil-programm ta’ l-Interreg, u issa ser inkunu qegħdin naħdmu biex artiġjana Maltin jipparteċipaw f’dan il-proġett.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn saret din is-sejħa pubblika.
Is-Segretarjat ser ikun qiegħed jipparteċipa f’dan il-Programm flimkien mal-lokalitajiet ta’ Sciacca u Burgio fi Sqallija, mas-Socjeta` Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ, mal-Maltese Italian Chamber of Commerce, mal-Confartigianato u mas-CNA. Il-lokalitajiet ta’ Sciacca u Burgio fi Sqallija, huma famużi għall-manifattura taċ-ċeramika u artiġjana Maltin ser ikollhom l-opportunita` li jaqsmu esperjenzi ma’ artiġjana minn dawn il-lokalitajiet. Il-parteċipazzjoni f’dan il-programm min-naħa tas-Segretarjat saret ukoll b’kollaborazzjoni ma’ l-Impetus Europe Consulting Group.
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo kompla billi jgħid li “l-parteċipazzjoni f’dan il-programm huwa pass ieħor fl-impenn tagħna li naċċertaw li 300 imprenditur Malti jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-programm ser ikun hemm 50 imprenditur li ser jipparteċipaw fi proġett ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-programm għandu ħafna vantaġġi għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur taċ-ċeramika u fil-fatt qiegħed isir investiment totali ta’ EUR 295,930 f’dan il-proġett, li jissarfu f’opportunitajiet għal artiġjana Maltin u Taljani. 70% minn dan l-ammont huma fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li t-30% l-oħra ser isiru permezz ta’ kontribuzzjonijiet, kemm fi flus u kontribuzzjonijiet oħra, minn dawk li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett.
L-objettivi ta’ dan il-proġett huma ħafna, u fost l-oħrajn ser ikun hemm:
§ Feasibility Study b’kollaborazzjoni ma’ l-Italja u pajjiżi oħra fil-Mediterran
§ Studju, diżinn u ħolqien ta’ prodotti Mediterranji taċ-ċeramika u ċ-ċaqquf
§ Vjaġġi apposta u reklamar ta’ artiġjanat f’Malta u Sqallija
§ Żvilupp ta’ web-site dwar l-artiġjanat
§ Lista ta’ ċeramisti Maltin
§ Borża ta’ studju fi Sqallija għal studenti tal-kulleġġ ta’ l-MCAST ta’ l-Art and Design
§ 25 ċeramist jkunu jistgħu jattendu symposium dwar din is-sengħa fi Sqallija
§ 20 aġenzija tal-vjaġġi ser jikkollaboraw ma’ sħab Sqallin dwar skambji turistiċi bejn iż-żewġ pajjiżi
§ Ħames rappreżentanti ta’ skejjel ser ikunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar il-prodotti artiġjanali u dwar ċeramika fl-Italja.
Hemm numru ta’ benefiċji li ser tieħu Malta bil-parteċipazzjoni f’dan il-programm. Fost dawn hemm:
§ Promozzjoni aħjar taċ-ċeramika u ċ-ċaqquf f’Malta
§ Lista ta’ ċeramisti Maltin
§ Studju tal-faċilitajiet turistiċi rrelatati ma’ l-industrija ta’ l-artiġjanat
§ Kollaborazzjoni aħjar ma’ artiġjana Sqallin li huma sħab f’dan il-proġett.
§ Identifikazzjoni ta’ kollaborazzjoni fil-ġejjieni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-industrija ta’ l-artiġjanat.
L-Onor. Edwin Vassallo kompla billi qal li “l-impenn tal-Gvern huwa li jara li negozji żgħar iħarsu lejn is-swieq f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, għaliex f’dawk is-swieq hemm possibiltajiet fejn inkabbru n-negozji tagħna. Fil-qasam tal-manifattura taċ-ċeramika rridu nħarsu lejn manifattura li twassal għall-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud. Jekk ikollna dawn il-prodotti ta’ kwalita` għolja biss, inkunu kapaċi nilqgħu għall-isfida li jiffaċċja l-artiġjanat Malti minn prodotti importati, partikolarment miċ-Ċina.
“Attenzjoni partikolari ser tingħata lil negozji li għandhom il-konvenju f’Ta’ Qali, għaliex hemmhekk il-Gvern ukoll huwa mpenjat li jara li dawk is-sidien jirritornaw għall-manifattura b’valur miżjud, manifattura ta’ kwalita`, oriġinalita` u ġenwinita`. Dan il-programm huwa maħsub li jlaqqa’ flimkien artiġjana li jispeċjalizzaw fil-manifattura ta’ ċeramika minn reġjuni differenti u qiegħed jinħadem bi sħab bejn Malta u Sqallija.”
Fi tmiem il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari spjega li “d-deċiżjoni li dan il-programm jiġi mniedi ġo kulleġġ ta’ l-MCAST huwa għaliex attenzjoni partikolari ser tingħata lil ex-studenti ta’ dan il-kulleġġ li diġa’ tħarrġu fil-manifattura ta’ dawn il-prodotti, u lil studenti li bħalissa qegħdin jitgħallmu t-teknika tal-produzzjoni taċ-ċeramika.”
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951