Egħluq il-mitt sena tal-kompożitriċi Carmelina Zammit
Ġewwa r-residenza San Vincenz De Paul ittellgħet serata differenti minn dawk li mdorrijin naraw is-soltu f’din ir-residenza, hekk kif saret Lejla Mużiko-Letterarja biex tkun ċelebrata għeluq il-mitt sena tal-kompożitriċi Carmelina Zammit, mart il-poeta Ġorġ Zammit. Waqt din is-serata ttellgħu numru ta’ xogħlijiet li kienu komponuti mill-istess Carmelina Zammit, filwaqt li s-siltiet letterarji kienu ta’ Ġorg Zammit. L-arranġament mużikali hu ta’ Mro. Andrew Calleja.
Din is-serata ġiet organizzata mill-ħaddiema ta’ l-RB2A bil-preżentazzjoni tas-Sur Ġorġ Peresso, filwaqt li d-direzzjoni kienet tas-Surmast Charles Pace, li hu wkoll ħaddiem ta’ l-istess Residenza.
Preżenti għal din is-serata kien hemm ukoll l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, li f’kelmtejn ta’ l-okkazjoni awgurat lis-Sinjura Zammit, filwaqt li faħħret lill-ħaddiema tal-RB2A ta’ l-inizzjattiva tagħhom biex tellgħu din is-serata.
“Dan juri biċ-ċar li filwaqt li l-prijorita’ tal-ħaddiema f’San Vincenz hija li jagħtu l-aħjar kura lill-anzjani, fl-istess ħin huma nkoraġġiti li jagħtu każ tal-ħajja soċjali tar-residenti” qalet is-Sinjura D’Amato. Il-President ta’ Malta l-E.T. Edward Fenech Adami u s-Sinjura Mary Fenech Adami wkoll żaru lis-Sinjura Carmelina Zammit biex jawgurawla f’għeluq il-mitt sena tagħha.
Carmelina Zammit twieldet Santa Venera fis-7 ta’ Frar 1906, lil Annunziata nee’ Calleja u Pio Cuschieri. Kienet r-raba’ minn familja ta’ sitt itfal. Hija żżewġet lill-poeta famuż Ġorġ Zammit fit-30 ta’ Lulju 1935 u kellhom żewġt ibniet Celine u Mariquita.
Is-Sinjura Zammit kienet tieħu parti fil-kunċerti li kienu organizzati mill-Malta Cultural Institute, il-British Institute u anke waqt xi programmi fuq ir-Rediffusion. Hija kienet tkanta kemm biċċiet operistiċi kif ukoll biċċiet ‘da camera’. Hija kkomponiet ħafna kanzunetti u żewġha Ġorġ kien jikteb il-lirika. Bosta minnhom saru popolari u kienu jitkantaw minn kantanti stabbiliti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951