Il-Gvern m’għandux x’jaħbi dwar il-ħidma li hemm bżonn issir fil-qasam ta’ l-ambjent
Filwaqt li huwa kburi bit-titjib li sar fil-qasam tal-ambjent, il-Gvern jirrikonoxxi li għad hemm bżonn li ssir f’dan il-qasam. Dan kompla jkun ikkonfermat bil-pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-Istat Ambjentali 2005.
Huwa ironiku kif il-Kelliema ta’ l-Oppożizzjoni f’nifs wieħed jgħidu li r-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent huwa eżerċizzju ’ta’ propaganda partiġġjana bla sens’ mill-Gvern, u fl-istess stqarrija jelenkaw numru ta’ oqsma li r-Rapport stess jindika bħala setturi fejn hemm bżonn li ssir aktar ħidma u investiment fis-snin li ġejjin.
Wieħed jistenna li eżerċizzju ta’ propaganda jelenka biss l-affarijiet pożittivi iżda l-Gvern ried li dan ir-Rapport ikun wieħed li tassew iwassal biex jiġġenera diskussjoni kostruttiva dwar l-istat ta’ l-ambjent f’Malta u x’irid isir biex dan ikompli jissaħħaħ u jitjieb.
Kif rikonoxxut mill-Oppożizzjoni nnifisha, il-Gvern ried li d-dokument jippreżenta l-informazzjoni b’mod li tinftiehem minn firxa akbar ta’ nies u ma jkunx biss dokument li jinteressa lill-esperti u lit-tekniċi. Dan għaliex il-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi dwar ir-realta’ preżenti u l-operat fis-settur ta’ l-ambjent.
Il-Gvern itenni l-intenzjoni tiegħu li jxerred l-informazzjoni ambjentali bl-aħjar mod possibbli u fil-jiem li ġejjin se jitħabbru wkoll inizjattivi li se jippermettu biex id-dokument ikun aċċessibbli wkoll għat-tfal. Dan minbarra proċess serju ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi (NGO’s) ambjentali u nies oħrajn ikkonċernati.
Il-verita’ hi li r-Rapport dwar l-Istat Ambjentali jikkontrasta bil-kbir mad-dokument ta’ proposti ambjentali tal-Partit Laburista ppublikat ukoll fl-aħħar jiem. Filwaqt li wieħed juri b’mod konkret is-setturi fejn irid isir progress, l-ieħor huwa biss elenku ta’ xewqat mingħajr ebda proposta konkreta ta’ kif dawn jitwettqu fil-prattika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951