Iktar investiment fl-iskejjel tagħna
Il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ l-istudenti kollha li jattendu xi ċentru edukattiv f’Għawdex. Huwa għal dan il-għan li jinvesti proporzjon ta’ l-allokazzjoni finanzjarja tiegħu kull sena għat-titjib u l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet differenti fl-iskejjel kollha t’Għawdex.
Matul dawn l-aħħar seba’ snin saru diversi xogħlijiet ta’ titjib f’livelli differenti f’kull waħda mit-tmintax-il skola f’Għawdex. Minbarra xogħlijiet ta’ tisbiħ u modernizzar, ġew allokati fondi sabiex tiżdied l-aċċessibilita’ fl-iskejjel għal studenti bi bżonnijiet speċjali.
Matul dawn l-aħħar xhur, fl-Iskola primarja ta’ Kerċem ġie ntrodott chair-lift Stannah b’investiment ta’ madwar Lm6,000. Dan is-siġġu, li jista’ jiġi kkontrollat b’remote control u mmexxi mill-istudent b’diżabilita’ nnifsu, iffaċilita b’mod radikali l-aċċessibilita’ ta’ kważi kull parti ta’ l-iskola primarja għal studenti bi problemi ta’ mobilita’.
Fiċ-Ċentru Sir Mikelanġ Refalo wkoll saru diversi xogħlijiet marbuta ma’ l-aċċessibilita’ ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali, inkluż l-introduzzjoni riċenti ta’ pjattaforma li taħdem b’sistema tal-lifts u li tippermetti li studenti f’wheelchairs ikollhom aċċessibilita’ għal żoni pubbliċi ta’ l-iskola fosthom il-canteen u l-laboratorju tal-computer. L-investiment f’din l-iskola minn Jannar 2005 laħaq Lm7,000.
L-introduzzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet tikkumplimenta l-istallazzjoni ta’ rampi u t-twessiegħ ta’ bibien flimkien mal-provvista ta’ faċilitajiet sanitarji adegwati għal studenti bi bżonnijiet speċjali f’diversi skejjel f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951