Left arrow Mur Lura

Premjijiet nazzjonali ta’ l- E-Twinning

pr0171
Date Icon 06/02/2006

Hekk kif għaddiet ftit aktar minn sena minn meta l-eTwinning tnieda uffiċjalment fil-15 ta’ Jannar 2005, is-Servizz t’Appoġġ Nazzjonali ta’ l-eTwinning f’Malta, organizza l-premjijiet Nazzjonali ta’ l-eTwinning fejn 7 proġetti ngħataw premjijiet għal-livell li laħqu fl-eTwinning.  

L-eTwinning għandu ingredjenti differenti, l-element ta’ kollaborazzjoni, l-ICT u l-użu ta’ lingwa barranija huma komuni għal kull proġett, kemm dawk mill-aktar sempliċi kif ukoll dawk aktar ambizzjużi. It-tajjeb ta’ din l-azzjoni hu li hija tant flessibbli li l-għalliema għandhom il-libertà li jinkludu fiha dak kollu li huma jixtiequ, is-suġġett li jgħallmu, jew inkella tema kross-kurrikulari. Elementi oħra huma t-tagħlim dwar kulturi differenti u t-trawwim tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni. Il-proġetti li jitwettqu huma lkoll interessanti u jiftħu passaġġi ġodda għat-tagħlim b’metodi u teknoloġiji ġodda, li huma aktar qrib tad-dinja ta’ barra l-iskola, dik li jgħixu fiha l-istudenti tagħna.  

S’issa, mhux f’Malta biss, iżda tista’ tgħid f’ħafna pajjiżi oħra, għandna sitwazzjoni fejn dawn it-tipi ta’ proġetti li twettqu mill-għalliema flimkien ma’ l-istudenti tagħhom f’dawn l-aħħar xhur fi ħdan l-eTwinning, m’humiex ir-regola imma l-eċċezzjoni. L-eTwinning, filwaqt li jagħraf li dan it-tip ta’ xogħol kollaborattiv iħalli riżultati aħjar għall-istudenti li jipparteċipaw fih, jagħmel dan il-proċess kollu aktar faċli biex iħajjar lil dawk l-għalliema li normalment ma jipparteċipawx f’inizjattivi bħal dawn. Dan billi jipprovdilhom sensiela ta’ għodod li bihom isibu partners, jikkomunikaw u jikkollaboraw flimkien fuq proġett komuni li jkun imsejjes fuq punti komuni tal-kurrikulu tagħhom. L-għan aħħari ta’ l-azzjoni ta’ l-eTwinning, huwa li dan it-tip ta’ xogħol ma jibqax ikun l-eċċezzjoni, imma li jsir xi ħaġa ta’ kuljum fil-klassijiet ta’ l-iskejjel Ewropej. 

Jidher li l-eTwinning qed ikun milqugħ tajjeb mill-iskejjel minn madwar l-Ewropa, sal-lum aktar minn 12,100 skola irreġistraw biex jipparteċipaw, u dan in-numru qed jiżdied kuljum. L-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji Maltin ukoll ma baqgħux lura u bi pjaċir ngħidu li għandna 151 għalliem minn 82 skola differenti li wrew l-interess tagħhom u rreġistraw fl-eTwinning, 49 minnhom għamlu l-pass ieħor ‘il quddiem u bdew jaħdmu fuq proġetti kollaborattivi ma’ skejjel oħrajn. Ħafna minn dawn l-għalliema sabu li dawn il-proġetti kienu opportunitajiet tajba biex huma jkomplu jiżviluppaw fil-professjoni tagħhom u li permezz tagħhom, l-istudenti setgħu igawdu minn esperjenza ta’ tagħlim innovattiva li żiedet il-motivazzjoni u l-interess tagħhom. 

Illum qegħdin niċċelebraw is-suċċess ta’ l-għalliema li ħadu sehem attiv f’din l-azzjoni. L-għalliema u l-iskejjel tagħna jikkumparaw tajjeb ħafna ma’ dawk minn pajjiżi ferm ikbar minn tagħna. Xhieda ta’ dan huwa n-numru ta’ skejjel li jixtiequ jsibu partners minn Malta u l-fatt li skola żgħira minn Malta – anzi, biex inkunu aktar preċiżi, minn Għawdex, għamlet unur lilha nfisha u lil pajjiżna meta din ġiet l-ewwel, flimkien mal-partner tagħha, fil-kompetizzjoni prestiġjuża Ewropea ta’ l-eTwinning. Ta’ dan nawguraw lis-Sur Saviour Tabone u lill-istaff u l-istudenti ta’ l-iskola ta’ San Lawrenz għax-xogħol li għamlu. Inħeġġuhom, biex ikomplu jwettqu proġetti bħal dawn. 

Ix-xogħol fi proġetti bħal dan isir mill-istudenti u mill-għalliema, li bl-appoġġ tal-kap u tat-tim tat-tmexxija ta’ l-iskola, jagħmlu dak l-isforz żejjed. Żgur li hawn Malta, din l-azzjoni ma kienx ikollha l-istess livell ta’ suċċess mingħajr is-sapport tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, tad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni li lkoll taw l-għajnuna tagħhom. Nirringrazzjaw ukoll lill-isponsors tant ġenerużi li wkoll emmnu fl-eTwinning, lil Forestals Group of Companies, li offriet tliet notebook computers għar-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni, lil Maltanet li qed tagħti tliet abbonamenti għall-Broadband Internet u lil Go Mobile li qed tagħti tliet telefons ċellulari bil-linja.  

L-akbar mertu jmur għall-għalliema li qed jieħdu sehem fid-diversi proġetti u li emmnu fl-eTwinning għall-ġid ta’ l-istudenti tagħhom. Inħeġġuhom biex ikomplu f’din it-triq ta’ innovazzjoni pedagoġika li qabdu u li jħajru u jgħinu lil sħabhom biex huma wkoll jagħmlu dan. 

Forsi l-kompetizzjonijiet imdorrijin narawhom f’termini ta’ rebbieħa u telliefa. Din il-kompetizzjoni m’hix hekk, din il-kompetizzjoni kellha biss rebbieħa, u l-akbar rebbieħa ma kienux l-għalliema li ħadu sehem, imma l-istudenti li gawdew mill-isforzi tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow