Aktar għarfien ambjentali frott ta’ investiment dirett akbar mill-Gvern favur l-ambjent
L-għarfien ambjentali li qed jiżdied f’Malta mhux qed iseħħ b’kumbinazzjoni. Kif kien ikkonfermat mir-Rapport dwar l-Istat ta’ l-Ambjent li kien ippublikat din il-ġimgħa, fl-aħħar 15-il sena in-nefqa fuq l-ambjent sparat ‘l fuq. Ir-Rapport juri kif in-nefqa fuq l-ambjent telgħet minn Lm3 miljuni fl-1990 għal Lm33 miljun fl-2005. Meta mqabbel mal-Prodott Gross Domestiku, GDP, dan ifisser li n-nefqa telgħet minn 0.5% fl-1990 għal 1.5% is-sena l-oħra.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li għamel fiċ-ċentru ġdid tal-Bank of Valletta f’Santa Venera li nbena b’mod li jagħmel użu massimu ta’ l-enerġija naturali u jkun effiċjenti, biex titnaqqas kemm jista’ jkun l-enerġija minn fossil fuels li jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent.
L-ambjent għandu impatt dirett fuq il-kwalità u l-istil ta’ ħajja li ngħixu kuljum, għaldaqstant huwa mportanti li nħarsuh billi, b’mod partikolari, nadottaw imġieba u nużaw prodotti u strutturi effiċjenti li ma jaħlux enerġija, li jkollha effett negattiv fuq l-ambjent bla bżonn. Il-Gvern qed imexxi bl-eżempju u huwa ferm inkoraġġanti li entitajiet privati qed jagħrfu r-responsabbilta’ tagħhom u qed jieħdu miżuri favur l-ambjent.
Il-Ministru George Pullicino qal li l-ambjent huwa wieħed mis-setturi ta’ prijorità li qed jaħdem fuqhom il-Gvern, flimkien ma’ l-ekonomija u l-edukazzjoni. Il-Gvern mhux qed jippriedka biss, iżda bil-fatti qed jadotta mġieba u prattiċi biex tabilħaqq jippromwovi mġieba li tirrispetta l-ambjent. Il-Gvern ħatar Green Leaders f’kull ministeru u dipartiment, u alloka Lm10,000 lil kull Ministeru biex jitfasslu l-pjanijiet meħtieġa biex jissaħħaħ l-għarfien u titjieb l-imġieba ambjentali fis-servizz pubbliku.
Il-Ministru Pullicino tkellem dwar numru ta’ inċentivi mħabbra mill-Gvern fl-aħħar budgets li għandhom l-għan li jservu ta’ inċentivi biex iħeġġeġ l-użu ta’ prodotti favur l-ambjent. Dan jinkludi inċentivi għal min juża apparat li jiġġenera enerġija mix-xemx kif ukoll għal sistemi ta’ insulation tal-bjut tad-djar privati.
Il-Gvern qed jestendi l-inċentivi biex jagħmilha dejjem aktar attraenti biex il-poplu jagħżel metodi alternattivi u fl-istess waqt jgħin lill-ambjent. Dan jinkludi miżuri mħabbra mill-Enemalta Corporation li, filwaqt li ma tieħux ħlas għall-meter, ser tintroduċi sistema fejn tassorbi l-enerġija elettrika u tipprovdi l-enerġija elettrika meta jkun hemm bżonn, b’sistema ta’ tpartit. Jekk il-konsumatur, fuq perjodu ta’ żmien, jagħti lill-Enemalta iktar enerġija milli jikkonsma, l-Enemalta tħallas lura għall-enerġija.
Il-Ministru Pullicino qal li ċ-ċentru tal-Bank of Valletta huwa eżempju ħaj ta’ inizjattiva minn kumpanija kummerċjali lokali li ġiet iddisinjata u żviluppata biex tilqa’ għall-isfidi globali. Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jara dan it-tip ta’ żvilupp iseħħ f’pajjiżna għaliex huwa prova ta’ kemm l-għarfien ambjentali llum qed iwassal biex jinfluwenza deċiżjonijiet strateġiċi minn organizzazzjonijiet ewlenin bħalma hu l-Bank of Valletta. Il-Ministru Pullicino faħħar ukoll id-diversi inċentivi u inizjattivi oħrajn tal-Bank li qed jgħinu b’mod konkret lill-Gvern fit-twettiq ta’ għadd ta’ miżuri li jinkludu l-afforestazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en