Malta tilqa’ bil-ferħ il-ftehim milħuq fuq ir-rati ta’ taxxa mnaqqsa fuq il-valur miżjud fuq ċerti servizzi
Malta tilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim milħuq bejn il-Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li estenda l-possibilta’ li Stati Membri japplikaw rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq ċertu servizzi sal-31 ta’ Diċembru 2010. Dan il-ftehim qiegħed jestendi l-esperiment Ewropew illi jnaqqas ir-rati tal-VAT bħala mezz biex ikattar ix-xogħol f’intrapriżi Ewropej u jirrifletti ukoll kif l-Unjoni Ewropea twassal sabiex pajjiżi b’ċirkostanzi differenti jirnexxielhom jilħqu ftehim fuq għan komuni u ta’ importanza għall-pajjiżi kollha fi ħdanha.
Permezz tal-ftehim milħuq, Malta issa għandha d-dritt tapplika rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fuq żewġ kategoriji ta’ servizzi kif mniżżla f’Anness K tas-Sitt Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Direttiva 77/388/KEE):- tiswija ta’ oġġetti bħal roti, żraben u affarijiet oħra magħmula mill-ġilda, kif ukoll tiswijiet fuq ħwejjeġ, lożor u oġġetti tad-drapp użati fid-dar; tiġdid u rranġar ta’ djar privati, li pero’ jeskludi materjali użati li jagħmlu parti mdaqqsa mill-valur totali tax-xogħol; tindif ta’ twieqi u djar privati; servizzi ta’ għajnuna fid-djar, bħal għajnuna u kura fi djar lil tfal, xjuħ, morda u persuni b’diżabilita’; u qtugħ ta’ xagħar.
Il-Gvern Malti huwa interessat japplika dan it-tnaqqis biex b’hekk ir-rati applikabbli ta’ VAT fuq tnejn minn dawn is-servizzi ikun ta’ 5 fil-mija minflok ir-rata normali ta’ 18 fil-mija. Dan ser isir bħala parti mir-riforma tas-sistema tat-taxxi illi l-Gvern nieda fil-bidu ta’ din is-sena.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951