TINĦATAR IL-KUMMISSJONI GĦALL-EDUKAZZJONI OGĦLA
Il-Gvern ħatar il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, li ser titmexxa mill-ekonomista s-Sur Joseph F.X. Zahra u li se jkollha bħala Viċi-President ekonomista ieħor, is-Sur Jacques Sciberras. Il-membri l-oħra tal-Kummissjoni huma: l-Professur Juanito Camilleri, Dr Jennifer Casingena Harper mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kardjokirurgu Mr Alex Manche`, ix-xjentist tal-kompjuter u imprenditur Dr Alex Mifsud, u Mrs. Micheline Sciberras il-Policy Coordinator fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Il-Kummissjoni kienet tħabbret fid-diskors tal-Budget mill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi, Dr Lawrence Gonzi, wara rakkomandazzjoni għal dan l-iskop mir-Rapport Chalmers .
Dalgħodu l-Kummissjoni bdiet ix-xogħol tagħha mill-Bini ta’ l-Univerista` l-antika fil-Belt Valletta. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea ta l-ittri tal-ħatra lill-membri tal-Kummissjoni u wara ndirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn spjega l-viżjoni u l-istrateġija tal-Gvern għall-edukazzjoni ogħla.
Il-Ministru Galea qal li l-edukazzjoni hija fil-qalba ta’ l-istrateġiji meħtieġa biex tiġi assigurata s-sostenibilita’ ta’ soċjetajiet u ekonomiji żviluppati. Il-Gvern irid li jkompli jibni fuq is-suċċess kbir li l-politika tiegħu kisbet fil-qasam ta’ l-edukazzjoni terzjarja fl-aħħar snin. Għaldaqstant se jinvesti u jkompli jiżviluppa l-qasam sħiħ ta’ edukazzjoni ogħla u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f’Malta u Għawdex. Il-Gvern irid li dan il-qasam ikun fost l-aqwa fiż-żona Ewro-Mediterranea.
“Dan l-iżvilupp ser jinbena prinċipalment fuq tliet kolonni – dik ta’ l-Universita` ta’ Malta, dik ta’ l-MCAST, u dik ta’ istituzzjonijiet privati lokali u barranin. Il-mira ewlenija hija li l-Gvern jassigura trasformazzjoni f’dan il-qasam biex jiffaċilita soċjeta` u ekonomija mibnijin fuq l-għerf. B’hekk biss il-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada jistgħu jikkompetu u jsostnu kwalità u livell ta’ għajxien dejjem aħjar. Dan kollu jinħtieġ l-appoġġ u l-kooperazzjoni proattivi ta’ dawk kollha involuti direttament fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ogħla kif ukoll ta’ kull min, kbir u żgħir, għandu għal qalbu l-interess u l-futur tal-poplu Malti u Għawdxi,” sostna Louis Galea.
Il-Ministru Galea fisser li l-Kummissjoni ser twettaq ix-xogħol tagħha f’fażijiet differenti u għalhekk huwa ta lill-Kummissjoni termini ’interim’ ta’ riferenza għall-ewwel fażi li għandha twassal sat-twaqqif b’liġi ta’ l-istess Kummissjoni, jekk jista` jkun qabel is-sajf li ġej.
Il-Kummissjoni qed tiġi mitluba biex sas-7 ta’ April li ġej tagħti parir lill-Gvern dwar l-aħjar sura u funzjonijiet li l-Kummissjoni u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Ogħla għandu jkollhom. Il-Kummissjoni qed tiġi mitluba biex tevalwa l-ħsibijiet tal-Gvern kif imfissra fid-dokument li ġie pubblikat f’Ottubru li għadda , is-sottomissjonijiet li saru s’issa, u kummenti oħra li jirriżultaw mill-konsultazzjoni li l-Kummissjoni tħoss li għandha bżonn tagħmel. Il-Ministru Galea ħabbar li l-Gvern se jikkonsidra dan il-parir u jressaq l-emendi meħtieġa fl-Att dwar l-Edukazzjoni għat-twaqqif tal-Kummissjoni. Meta l-emendi jgħaddu mill-Parlament il-Gvern jaħtar il-Kummissjoni skond il-liġi.
Il-Kummissjoni qed tiġi mitluba wkoll biex tagħti bidu għal proċess ta’ formolazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar:
1) Il-viżjoni u l-istrateġija għall-edukazzjoni ogħla f’Malta.
2) It-tkabbir ta’ dan il-qasam biex jilqa` għall-bżonnijiet tal-pajjiż.
3) L-iffinanzjar u l-kontabilità tas-settur kollu.
4) L-assigurazzjoni tal-kwalità u l-akkreditazzjoni. 5) L-għażla u l-aċċess ġust għall-istudenti.
Il-Gvern ta lill-Kummissjoni din id-direzzjoni:
1) Li l-opportunita` u l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla għandhom jibqgħu miftuħin għal kulħadd skond ix-xewqa u l-kwalifiki ta’ kull individwu.
2) Li jitħarsu l-impenji ta’ Malta biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar l-edukazzjoni ogħla.
3) Li jiġi assigurat djalogu ma’ kull min hu involut biex jinkisbu l-aktar kunsens wiesgħa possibbli u l-aħjar riżultati fil-kuntest tal-pjan nazzjonali ta’ żvilupp sostenibbli.
Il-President tal-Kummissjoni s-Sur Joseph F. X. Zahra fl-ewwel kummenti tiegħu qal li xogħol il-Kummissjoni hu li tiffoka fuq il-futur ta’ l-edukazzjoni ogħla f’Malta, fil-kuntest ta’ l-aspirazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-poplu Malti. “Malta tista` biss ittejjeb il-kompetittività tagħha bis-saħħa ta’ l-aktar riżorsi importanti li għandha, jiġifieri, il-poplu tagħna u uliedu. Il-Kummissjoni se tħares lejn is-settur edukattiv kif inhu llum, imbagħad wieħed jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jitjiebu l-kwalità u l-istrutturi ta’ dan il-livell edukattiv. Il-Kummisjoni se tħares ukoll lejn metodi alternattivi u aħjar ta’ finanzjar ta’ dan is- settur. Bla dubju din hi sfida kbira li qed jidħol għaliha team ta’ professjonisti li ġejjin minn sferi akkademiċi u esperjenzi differenti,” qal is-Sur Zahra.
Il-Ministru Galea fisser li l-Kummissjoni qed titwaqqaf f’mument ta’ riformi importanti fil-qasam kollu edukattiv. Il-Gvern irid li l-funzjoni prinċipali tal-Kummissjoni tkun dik li tagħti pariri sew lill-Gvern kif ukoll lill-istituzzjonijiet dwar il-miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ u jiġġedded dan is-settur ta’ l-edukazzjoni. Huwa qal li fix-xahrejn li għaddew huwa ltaqa` ma’ l-ogħla awtoritajiet ta’ l-Univeristà, l-MCAST, l-ITS, il-Junior College u s-Sixth Forms. Barra minn hekk, kellu taħditiet ma’ l-MUT u l-UMASA fuq il-proposti tal-Gvern dwar it-twaqqif tal-Kummissjoni. Issa anke l-Kummissjoni ser tniedi proċess ta’ djalogu u konsultazzjoni fit-tifsil tal-pariri tagħha. Il-Ministru Galea stieden biex dawk kollha involuti jilqgħu din l-opportunità u b’mod posittiv u kostruttiv jagħtu sehemhom għall-iżviluppi u l-bidliet meħtieġa.
Il-Ministru Louis Galea sostna li kien dan il-Gvern li kostantement iggarantixxa l-awtonomija u l-libertà akkademika ta’ l-Universita` u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla. “Il-Gvern irid li din il-garanzija ta’ awtonomija tissaħħah billi l-istituzzjonijiet isaħħu l-kwalità u l-istandards tal-ħidma tagħhom. Il-Gvern irid ukoll li jitħaddmu mekkaniżmi ta’ kontabilità pubblika għall-investiment pubbliku li l-Gvern jagħmel mit-taxxi tal-poplu,” sostna Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951