Left arrow Mur Lura

Viċin is-sbatax-il elf vot għall-munita Maltija ta’ l-Euro

pr0148
Date Icon 02/02/2006

“Huwa fatt inkoraġġanti ħafna li fi żmien daqshekk qasir, kważi 17,000 persuna ħassew li għandhom jipparteċipaw f’dan il-proċess li għandu jwassal għad-disinn finali tal-munita Maltija ta’ l-euro. Din hija l-ewwel darba li se nkunu qegħdin inbidlu l-munita tagħna f’35 sena u bla dubju ta’ xejn din hija bidla għall-aħjar. Ninsab sodisfatt ħafna li rnexxielna nqajmu interess f’dan il-proċess u li eluf ta’ nies għamlu l-għazla tagħhom fi ftit iktar minn għaxart ijiem. Fil-passat in-numru ta’ nies li taw l-opinjoni tagħhom fuq temi bħal dawn kien limitat ħafna.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Kumitat Nazzjonali għall-bidla fl-Euro (NECC) illum ħabbru r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li saret biex jintgħażlu t-temi li għandhom iservu ta’ bażi għad-disinn tal-munita euro Maltija. Ġimgħatejn ilu, il-pubbliku kien ippreżentat bi 12-il  għażla li kienu maqsuma f’erba’ temi differenti. Il-pubbliku kellu jibgħat SMS jew iċempel numru tat-telefon abbonat ma’ kull għazla ppreżentata f’dan il-proċess. 

Waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech, flimkien mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Michael Bonello u ċ-Chairman ta’ l-NECC, Joseph F.X. Zahra, stqarr li 16,835 voti validi ġew reġistrati waqt il-ġimgħatejn li matulhom kienet għaddejja l-konsultazzjoni pubblika. Vot wieħed biss seta’ jkun reġistrat minn kull linja tat-telefon u eluf ta’ voti li ntbagħtu mill-istess numri tat-telefon ma ġewx reġistrati. 

It-tliet għażliet l-iktar popolari minn fost tliet temi differenti huma:  

·        il-Magħmudija ta’ Kristu (Malta fir-Rinaxximent) bi 3498 vot;

·        l-arma ta’ Malta (L-Identita’ Maltija) b’2742 vot u

·        l-Artal tat-Tempji ta’ l-Mnajdra (Malta Preistorika) b’1872 vot.   

L-għażla tal-Forti St. Anġlu (Malta fir-Rinaxximent) ġabet 2037 vot u fil-fatt hija t-tielet l-iktar għażla popolari, pero’ mhux se tkun inkluża minħabba li kien hemm għazla aktar popolari f’dik it-tema partikulari. It-tliet għażliet se jkunu mgħotija lil disinjatur biex joħloq id-disinn li għandu jidher fuq il-munita. 

Bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, il-pubbliku seta’ wkoll jissuġġerixi għażliet oħra permezz ta’ numru ieħor tat-telefon li gie provdut għal din ir-raġuni. L-iktar għażla suġġerita mill-pubbliku kien is-Salib ta’ Malta, segwit mill-wiċċ ta’ Dun Karm. F’dan l-istadju qed jiġi kkunsidrat li l-Salib ta’ Malta jiġi aċċettat mat-tliet għażliet l-oħra biex ikun fuq il-wiċċ tal-muniti euro ta’ Malta. 

Is-Sur Fenech stqarr li kien sorpriż bl-attenzjoni, id-diskussjoni u d-dibattitu li ġibed lejh dan il-proċess: “Nammetti li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku hija inkoraġġanti ħafna u l-ammont ta’ voti validi li rċevejna jisboq dak li konna qed nistennew. Dan jindika li l-pubbliku huwa interessat ħafna li jsegwi l-proċess għall-bidla fl-euro li qed ikun imhejji mill-NECC. Din kienet l-ewwel attivita’ li saret b’dan il-proċess u nixtieq ngħid li ninsabu sodisfatti ħafna bir-riżultat.” 

L-għażliet issa se jgħaddu f’idejn disinjatur biex joħloq numru ta’disinni. It-tieni fażi li se ssir iktar ‘l quddiem fl-2006, se nerġgħu nniedu proċess ta’ konsultazzjoni fejn il-pubbliku se jerġa’ jiġi mitlub biex jagħżel id-disinnji li fil-fatt se jidhru fuq il-muniti differenti ta’ l-euro Maltija. Bħalma sar f’diversi pajjiżi ta’ l-UE, il-muniti tal-euro Maltin se jkollhom tliet disinji differenti: waħda għall-euro u żewġ euro, waħda għall-50 ċenteżmu, 20 ċenteżmu u 10 ċenteżmi u disinn ieħor għall-5 ċenteżmi, 2 ċenteżmi u ċenteżmu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow