L-aħħar preparazzjonijiet għall-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa
“Għat-tieni sena konsekuttiva, r-rebbieħ/a tal-festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa se jintagħżel kompletament mill-pubbliku permezz tat-televoting. Id-differenza din is-sena hi li l-ħin allokat għat-televoting tniżżel għal 10 minuti minflok in-nofs siegħa li kien jingħata qabel. Filwaqt li t-tnaqqis fil-ħin ma jnaqqas xejn minn numru ta’ dawk li jkunu jridu jivvutaw, fl-istess waqt jikkontribwixxi biex il-ħin tal-festival ma jitwalx bla bżonn.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech qal dan meta żar iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fejn qed isiru l-aħħar tħejjijiet għall-Festival Kanzunetta għall-Ewropa li se jkun organizzat nhar il-Ġimgħa u nhar is-Sibt li ġej. Min jirbaħ dan il-festival se jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest li din is-sena se jsir f’Ateni, il-Greċja fl-20 ta’ Mejju 2006.
Il-Ministru Zammit Dimech, li kien akkumpanjat minn Robert Abela, Chairman tal-‘Board’ tal-Maltasong u membri oħra ta’ l-istess ‘board’, tenna l-interess kbir li dan il-festival jiġġenera fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Hu qal li għalhekk kien importanti li l-organizatturi u l-parteċipanti jagħtu sehemhom biex dan il-festival ikun suċċess u biex minnu toħroġ l-aħjar kanzunetta li permezz tagħha nkunu nistgħu nikkompetu b’suċċess.
“Il-Festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa huwa sfida u opportunita’ għall-awturi, kompożituri u kantanti Maltin biex joħorġu l-aħjar talenti tagħhom; konxji li qed jippreżentaw kanzunetta li trid tikkompeti ma’ dawk tal-pajjiżi l-oħra kollha ta’ l-Ewropa, li għandhom ħafna aktar minnha mnejn jagħżlu. Iżda kif għamilna fl-imgħoddi, jien ċert li anke din is-sena, se jkollna biex nikkompetu u biex nagħmlu isem tajjeb għal pajjiżna,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Festival Kanzunetta Maltija għall-Ewropa hu espressjoni lirika u mużikali tal-kanzunetta Maltija li rridu li tkompli tieħu postha fid-dinja għaliex anke il-kanzunetta Maltija tagħżilna minn popli oħra u tagħtina identita’. Kompla jgħid illi dan il-Festival sar issa parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Kien mistenni b’tant ħerqa li l-biljetti għalih kollha kienu nħatfu. Hu qal li dan il-festival kien jgħin biex Malta tingħata promozzjoni fl-Ewropa bħala l-pajjiż fejn il-kultura tintagħġen ma’ attivitajiet oħra, biex nagħtu lit-turist dik l-esperjenza li pajjiżi oħra mhux bilfors joffru.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en