S-SETTUR TA’ L-AGRIKOLTURA MATUL L-2005
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota li l-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, turi li matul is-sena 2005, kien hemm tnaqqis minimu fil-volum ta’ frott u ħaxix li għadda mill-Pitkalija.
Dan jikkonferma dak li ilu jsostni l-Gvern. L-istatistika tirrimarka li dan it-tnaqqis kien dovut l-aktar minħabba skarsezza ta’ patata. Fl-istess waqt, l-istatistika turi li minkejja t-tnaqqis minimu fil-volum, ma kien hemm ebda tibdil fid-dħul tal-bdiewa, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino qal li l-Gvern qed isegwi mill-qrib dak li għaddej fis-settur. Il-Ministru Pullicino tenna l-impenn tal-Gvern li joħloq l-aħjar kundizzjonijiet biex isostni l-għixien u l-futur tal-bdiewa kif ukoll fis-settur agrikolu kollu.
F’dan il-kuntest, il-Ministeru jħeġġeġ lill-għaqdiet tal-produtturi li ġew rikonoxxuti fis-sena 2005, biex jaġixxu minnufih, ħalli l-produzzjoni tal-membri tagħhom tkun organizzata aħjar skond l-esiġenzi tal-lum.
Il-Ministru Pullicino irriafferma l-pożizzjoni tal-Gvern li jirriserva d-dritt li jieħu l-passi kollha meħtieġa biex ikompli jgħin lill-bdiewa Maltin u Għawdxin. Il-Ministru fakkar kif il-bdiewa u r-raħħala bbenefikaw minn madwar Lm10 miljun matul is-sena li għaddiet, f’għajnuna u sussidji li jikkumplimentaw id-dħul tal-bdiewa. Kull għajnuna li tingħata lill-bdiewa mhix taxxabbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en