Left arrow Mur Lura

Ikkupjar ta’ dak li qed jagħmel il-gvern preżenti

pr0128
Date Icon 30/01/2006

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jinnota b’sodisfazzjoni li fil-Partit Laburista qed isir dibattitu dwar is-settur turistiku. Dan jawgura tajjeb specjalment meta wieħed jara kemm il-Partit Laburista, biex jagħmel proposti ġodda jispiċċa jikkopja minn dak li diġa qed jagħmel il-Gvern preżenti.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jfakkar li l-kelliema tal-Partit Laburista, la huma korretti u anqas  ġusti meta jgħidu li s-settur turistiku sejjer lura. Iċ-ċifri juru stampa differenti minn dik li qed ipinġu l-istess kelliema Laburisti.

  • Fl-2004 in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna żdied bi 3.5 fil-mija.
  • Fl-2005 reġa’ kien hemm żieda ta’ 1.4 fil-mija fuq dik tal-2004.
  • Fl-2004 kien hemm żieda fid-dħul għall-pajjiż ta’ 3 fil-mija mit-turiżmu fuq l-2003.
  • Fl-ewwel disa’ xhur tal-2005, iż-żieda fid-dħul diġa kienet ta’ 1.3 fil-mija.  Fit-tliet xhur tas-sajf tal-2005 iż-żieda fid-dħul għall-pajjiż kienet ta’ 3.2 fil-mija.  
  • In-numu ta’ passiġġieri li żaru pajjiżna fuq cruise liners –  u li ma jingħaddux man-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna – tela’ minn 291,821 għal 320,104, żieda ta’ 28,283 passiġġier jew ta’ 9.7 fil-mija.  In-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna mir-Renju Unit, l-akbar suq ta’ pajjiżna, kien ta’ 466,000 l-akbar għadd għal dawn l-ahhar ghaxar snin. It-turisti mill-Ġermanja, it-tieni l-akbar suq tagħna, reġgħu żdiedu għat-tieni sena konsekuttiva.  
  • In-numru ta’ impjiegi fis-settur turistiku wkoll żdied. Filwaqt li fl-aħħar tal-2004 kien hemm 15,716 ħaddiema ’full-time’ u ’part-time’ f’dan is-settur, in-numru tela’ għal 16,725 fl-aħħar ta’ Settembru tas-sena l-oħra – żieda ta’ 1,009 impjieg.

Il-kelliema Laburisti lanqas huma korretti meta, biex mingħalihom juru kemm ħadmu għas-settur turistiku bejn l-1996 u l-1998, jiddikjaraw li wettqu l-proġetti tal-Kottonera u l-Cruise Liner Passenger Terminal. Il-proġett tal-Kottonera mhux talli ma wettqux gvern Laburista, iżda inbeda u tkompla minn amministrazzjonijiet immexxijin mill-Partit Nazzjonalista.

Il-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal inbeda’ minn amministrazzjoni Nazzjonalista, tkompla minn amministrazzjoni Nazzjonalista u se jitlesta taħt l-amministrazzjoni prezenti. Kull ma kienu għamlu fuq dan il-proġett kien li ħarġu s-sejħa għall-offerti !

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ma jara xejn  ġdid fid-dokument Laburista dwar it-turiżmu. Dan mhu xejn għajr taħlita ta’ wegħdiet vagi, minghajr pjani serji u wegħdiet li jwettqu dak li l-Gvern preżenti diġa għamel!

Il-pjan Laburista għat-turiżmu jdur mal-wegħda vaga li Gvern Laburista jnaqqas it-taxxi fuq dan is-settur. Filwaqt li kwalunkwe Gvern ikun jixtieq li jnaqqas il-piżijiet minn fuq kull settur ekonomiku, l-problema titfaċċja meta tiġi biex  tibdel dawn ix-xewqat f’miżuri konkreti. Il-Gvern preżenti diġa ħa passi f’dan ir-rigward, sew meta żamm rata aktar baxxa ta’ VAT fuq servizzi turistiċi, kif ukoll b’miżuri biex l-impatt tal-għoli tal-prezz taż-żejt fuq il-provvista ta’ l-elettriku ikollha limitu (‘capping’) fejn jidħol is-settur turistiku.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jibqa’ jieħu l-miżuri kollha biex inaqqas il-piż minn fuq dan is-settur dejjem fid-dawl ta’ dak li jifilħu l-finanzi tal-pajjiż. Il-wegħda li “Gvern Laburista ġdid iwaqqaf ’task force’ bejn is-settur privat u l-Gvern biex fl-ewwel tliet xhur jifli t-taxxi li jagħmlu piż fuq is-settur u sitt xhur wara li jidħol fit-tmexxija ikun wettaq proposti dwar kif se jnaqqas dan il-piż”, iġġib memorji ta ħafna wegħdiet li għamel il-Partit Laburista, immexxi mill-Onor. Dr. Alfred Sant qabel l-elezzjoni ta’ l-1996, fosthom dik li jneħħi l-VAT, biex wara, bidilha bis-CET. Dak inhar, il-poplu Malti ġie ntaxxat aktar u l-Gvern daħħal inqas.

Il-Partit Laburista qed jagħmel diversi wegħdi billi bl-aktar mod ċar jikkopja dak li diġa wettaq jew ħabbar il-Gvern preżenti.

·        Il-Partit Laburista qed iwiegħed li jsiru miri preċiżi, li jridu jkunu identifikati dawk li jridu jwettqu dawn il-miri, li jiġu identifikati r-risorsi u jsiru timeframes. Dan diġa qed iseħħ. Minn mindu l-istrateġija ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu nbidlet għal waħda mibnija fuq ‘segments’, inħatru segment leaders li jafu x’vot għandhom biex jaħdmu. Dawn għamlu wkoll ftehim bil-miktub u iffirmat fejn intrabtu bl-inqas u l-aħjar miri li jridu jilħqu. Dawn is-segments ingħataw ir-risorsi meħtieġa u għandhom ukoll ‘timeframes’ li fuqhom iridu jaħdmu.

·        Il-pjan Laburista jsemmi l-ħtieġa li l-Gvern kollu jaħdem flimkien mal-Ministeri u d-dipartimenti biex jikkoordinaw flimkien. Dan hu preċiżament dak li qed isir permezz tal-Kumitat inter-ministerjali dwar it-turiżmu mmexxi mill-istess Prim Ministru. Dan il-kumitat jiltaqa’ kull tliet ġimgħat u jsegwi u jiddeċiedi dwar problemi li jolqtu s-settur turistiku. Kien bħala riżultat ta’ deċiżjonijiet ta’ dan il-kumitat li ġew identifikati sitt zoni turistiċi, li din is-sena ngħataw ukoll Lm150,000 biex jitmexxew. Kien permezz ta’ dan il-kumitat li ġie deċiż, u twettaq, it-tisbiħ tat-triq kollha li mill-ajruport twassal sal-belt Valletta. Hu permezz ta’ dan il-kumitat li qed jittieħdu deċiżjonijiet biex intejjbu kontinwament il-“prodott Malta”.

·        Il-pjan Laburista jitkellem  dwar li jitkabbru u jiżdiedu x-xtut permezz ta’ proġetti bi sħab bejn il-Gvern u l-privat. Dan hu proġett li qed jitwettaq. Kien fuq dan il-principju li nbniet il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, u din is-sena se tinbena bajja mrammla fuq il-blat f’Buġibba, filwaqt li fis-snin li ġejjin hemm proġetti oħra biex jitjiebu l-faċilitajiet u jinbnew xtajtiet ġodda fil-Balluta, San Pawl il-Baħar u x-Xlendi.

·        Il-pjan Laburista qed iwiegħed li fil-Gvern ikun hemm numru ta’ persuni li x-xogħol tagħhom ikun li jaraw li fondi u programmi ta’ l-Unjoni Ewropea li huma amministrati direttament minn Brussels jew mil-Lussemburgu neħduhom u jkunu jistgħu jittieħdu mis-settur privat u organizazzjonijiet mhux governattivi għall-iżvilupp tas-settur turistiku f’Malta. Dan hu li qed jagħmel il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura permezz ta’ l-EU Policy Unit li twaqqaf apposta fi ħdanu.  Permezz ta’ dan il-unit, is-settur privat gawda minn fondi li ħarġu apposta. Il-Partit Laburista jaf b’dan il-unit, mhux biss permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa iżda anke permezz ta’ preżentazzjoni li saret direttament lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Il-PartitLaburista qed jagħmel diversi wegħdiet oħra. Wegħdiet impoġġijin b’mod li ma jkollu xi jgħid ma’ ħadd! Filwaqt li jwiegħed li Gvern Laburista jġib il-low cost airlines fl-istess waqt iwiegħed li jgħin lill-Air Malta biex tibqa’ topera u tagħmel suċċess fl-ambjent kompetittiv u liberalizzat tal-lum. Fuq dan is-suġġett, il-pjan laburista la jgħid kif iridu li jiġu l-low cost airlines fil-pajjiż, u wisq anqas ma jgħid kif irid jgħin lill-Air Malta tikkompeti f’suq liberalizzat, jekk hux billi jitlob lil-linja nazzjonali tnaqqas mill-għadd ta’ ħaddiema li għandha!?
Il-pjanlaburista għas-settur turistiku hu wieħed mibni fuq premessi foloz.
Is-setturtal-konferenzi u l-inċentivi ma jikbirx biss billi jkollok faċilitajiet li jakkomodaw aktar minn 1,500 delegat. Dawn qed naħsbu għalihom u se jkollna. Iżda biex tattira delegati għas-suq tal-konferenzi  jrid ikollok lukandi ta’ Ħames Stilel fejn joqgħodu. L-Oppożizzjoni kienet ikkritikat dawn it-tip ta’ lukandi. Dan il-Gvern inkorraġihom, tant li l-lum minn ħamsa tlajna għal 15 u minn 1,200 sodda għandna fuq 6,000 sodda.
Nattirawaktar turisti lejn Għawdex billi l-ewwelnett nagħmlu minn Għawdex segment turistiku – kif sar dan l-aħħar – b’segment leader, budget u miri għalih. U anke billi nipprovdu l-infrastruttura turistika. Kif sar u qed isir bil-bini ta’ portijiet moderni fl-Imġarr Għawdex u fiċ-Ċirkewwa Malta, bil-heliport, b’toroq moderni, b’istitut għat-tagħlim turistiku u tant inizjattivi oħra.
It-turistijżuru pajjiżna għall-istorja u l-kultura billi nkomplu nwettqu proġetti biex nippreżentaw tajjeb s-7,000 sena ta’ storja ta’ Malta u Għawdex. Dan bdejna nagħmluh fl-Ipoġew, fid-Domus Romana u se nkomplu nagħmluh fit-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim, fil-Ġgantija u fit-tempji ta’ Ħal Tarxien.
It-turistiabbord cruise liners ikomplu jiġu u jiżdiedu permezz tal-Cruise Liner Passenger Terminal, li llum għandna, u permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ għal dawn it-tip ta’ viżitaturi bħal dak li qed jitwettaq mit-terminal sa Misraħ Kastilja.
Il-Gvernpreżenti qed jagħti lis-settur turistiku l-akbar importanza. Ir-riżultati qegħdin hemm sew fin-numru akbar ta’ turisti li qed iżuru pajjiżna, sew fid-dħul aktar għal pajjiżna u anke fl-investiment dejjem akbar li qed isir mill-Gvern fl-infrastruttura, fit-tisbiħ u fil-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna u mis-settur privat li kull sena qed jonfoq aktar f’bini ta’ lukandi ġodda u f’estensjonijiet u modernizzar ta’ dawn eżistenti.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow