Ikkupjar ta’ dak li qed jagħmel il-gvern preżenti
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jinnota b’sodisfazzjoni li fil-Partit Laburista qed isir dibattitu dwar is-settur turistiku. Dan jawgura tajjeb specjalment meta wieħed jara kemm il-Partit Laburista, biex jagħmel proposti ġodda jispiċċa jikkopja minn dak li diġa qed jagħmel il-Gvern preżenti.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jfakkar li l-kelliema tal-Partit Laburista, la huma korretti u anqas ġusti meta jgħidu li s-settur turistiku sejjer lura. Iċ-ċifri juru stampa differenti minn dik li qed ipinġu l-istess kelliema Laburisti.
- Fl-2004 in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna żdied bi 3.5 fil-mija.
- Fl-2005 reġa’ kien hemm żieda ta’ 1.4 fil-mija fuq dik tal-2004.
- Fl-2004 kien hemm żieda fid-dħul għall-pajjiż ta’ 3 fil-mija mit-turiżmu fuq l-2003.
- Fl-ewwel disa’ xhur tal-2005, iż-żieda fid-dħul diġa kienet ta’ 1.3 fil-mija. Fit-tliet xhur tas-sajf tal-2005 iż-żieda fid-dħul għall-pajjiż kienet ta’ 3.2 fil-mija.
- In-numu ta’ passiġġieri li żaru pajjiżna fuq cruise liners – u li ma jingħaddux man-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna – tela’ minn 291,821 għal 320,104, żieda ta’ 28,283 passiġġier jew ta’ 9.7 fil-mija. In-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna mir-Renju Unit, l-akbar suq ta’ pajjiżna, kien ta’ 466,000 l-akbar għadd għal dawn l-ahhar ghaxar snin. It-turisti mill-Ġermanja, it-tieni l-akbar suq tagħna, reġgħu żdiedu għat-tieni sena konsekuttiva.
- In-numru ta’ impjiegi fis-settur turistiku wkoll żdied. Filwaqt li fl-aħħar tal-2004 kien hemm 15,716 ħaddiema ’full-time’ u ’part-time’ f’dan is-settur, in-numru tela’ għal 16,725 fl-aħħar ta’ Settembru tas-sena l-oħra – żieda ta’ 1,009 impjieg.
Il-kelliema Laburisti lanqas huma korretti meta, biex mingħalihom juru kemm ħadmu għas-settur turistiku bejn l-1996 u l-1998, jiddikjaraw li wettqu l-proġetti tal-Kottonera u l-Cruise Liner Passenger Terminal. Il-proġett tal-Kottonera mhux talli ma wettqux gvern Laburista, iżda inbeda u tkompla minn amministrazzjonijiet immexxijin mill-Partit Nazzjonalista.
Il-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal inbeda’ minn amministrazzjoni Nazzjonalista, tkompla minn amministrazzjoni Nazzjonalista u se jitlesta taħt l-amministrazzjoni prezenti. Kull ma kienu għamlu fuq dan il-proġett kien li ħarġu s-sejħa għall-offerti !
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ma jara xejn ġdid fid-dokument Laburista dwar it-turiżmu. Dan mhu xejn għajr taħlita ta’ wegħdiet vagi, minghajr pjani serji u wegħdiet li jwettqu dak li l-Gvern preżenti diġa għamel!
Il-pjan Laburista għat-turiżmu jdur mal-wegħda vaga li Gvern Laburista jnaqqas it-taxxi fuq dan is-settur. Filwaqt li kwalunkwe Gvern ikun jixtieq li jnaqqas il-piżijiet minn fuq kull settur ekonomiku, l-problema titfaċċja meta tiġi biex tibdel dawn ix-xewqat f’miżuri konkreti. Il-Gvern preżenti diġa ħa passi f’dan ir-rigward, sew meta żamm rata aktar baxxa ta’ VAT fuq servizzi turistiċi, kif ukoll b’miżuri biex l-impatt tal-għoli tal-prezz taż-żejt fuq il-provvista ta’ l-elettriku ikollha limitu (‘capping’) fejn jidħol is-settur turistiku.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jibqa’ jieħu l-miżuri kollha biex inaqqas il-piż minn fuq dan is-settur dejjem fid-dawl ta’ dak li jifilħu l-finanzi tal-pajjiż. Il-wegħda li “Gvern Laburista ġdid iwaqqaf ’task force’ bejn is-settur privat u l-Gvern biex fl-ewwel tliet xhur jifli t-taxxi li jagħmlu piż fuq is-settur u sitt xhur wara li jidħol fit-tmexxija ikun wettaq proposti dwar kif se jnaqqas dan il-piż”, iġġib memorji ta ħafna wegħdiet li għamel il-Partit Laburista, immexxi mill-Onor. Dr. Alfred Sant qabel l-elezzjoni ta’ l-1996, fosthom dik li jneħħi l-VAT, biex wara, bidilha bis-CET. Dak inhar, il-poplu Malti ġie ntaxxat aktar u l-Gvern daħħal inqas.
Il-Partit Laburista qed jagħmel diversi wegħdi billi bl-aktar mod ċar jikkopja dak li diġa wettaq jew ħabbar il-Gvern preżenti.
· Il-Partit Laburista qed iwiegħed li jsiru miri preċiżi, li jridu jkunu identifikati dawk li jridu jwettqu dawn il-miri, li jiġu identifikati r-risorsi u jsiru timeframes. Dan diġa qed iseħħ. Minn mindu l-istrateġija ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu nbidlet għal waħda mibnija fuq ‘segments’, inħatru segment leaders li jafu x’vot għandhom biex jaħdmu. Dawn għamlu wkoll ftehim bil-miktub u iffirmat fejn intrabtu bl-inqas u l-aħjar miri li jridu jilħqu. Dawn is-segments ingħataw ir-risorsi meħtieġa u għandhom ukoll ‘timeframes’ li fuqhom iridu jaħdmu.
· Il-pjan Laburista jsemmi l-ħtieġa li l-Gvern kollu jaħdem flimkien mal-Ministeri u d-dipartimenti biex jikkoordinaw flimkien. Dan hu preċiżament dak li qed isir permezz tal-Kumitat inter-ministerjali dwar it-turiżmu mmexxi mill-istess Prim Ministru. Dan il-kumitat jiltaqa’ kull tliet ġimgħat u jsegwi u jiddeċiedi dwar problemi li jolqtu s-settur turistiku. Kien bħala riżultat ta’ deċiżjonijiet ta’ dan il-kumitat li ġew identifikati sitt zoni turistiċi, li din is-sena ngħataw ukoll Lm150,000 biex jitmexxew. Kien permezz ta’ dan il-kumitat li ġie deċiż, u twettaq, it-tisbiħ tat-triq kollha li mill-ajruport twassal sal-belt Valletta. Hu permezz ta’ dan il-kumitat li qed jittieħdu deċiżjonijiet biex intejjbu kontinwament il-“prodott Malta”.
· Il-pjan Laburista jitkellem dwar li jitkabbru u jiżdiedu x-xtut permezz ta’ proġetti bi sħab bejn il-Gvern u l-privat. Dan hu proġett li qed jitwettaq. Kien fuq dan il-principju li nbniet il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, u din is-sena se tinbena bajja mrammla fuq il-blat f’Buġibba, filwaqt li fis-snin li ġejjin hemm proġetti oħra biex jitjiebu l-faċilitajiet u jinbnew xtajtiet ġodda fil-Balluta, San Pawl il-Baħar u x-Xlendi.
· Il-pjan Laburista qed iwiegħed li fil-Gvern ikun hemm numru ta’ persuni li x-xogħol tagħhom ikun li jaraw li fondi u programmi ta’ l-Unjoni Ewropea li huma amministrati direttament minn Brussels jew mil-Lussemburgu neħduhom u jkunu jistgħu jittieħdu mis-settur privat u organizazzjonijiet mhux governattivi għall-iżvilupp tas-settur turistiku f’Malta. Dan hu li qed jagħmel il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura permezz ta’ l-EU Policy Unit li twaqqaf apposta fi ħdanu. Permezz ta’ dan il-unit, is-settur privat gawda minn fondi li ħarġu apposta. Il-Partit Laburista jaf b’dan il-unit, mhux biss permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa iżda anke permezz ta’ preżentazzjoni li saret direttament lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej.
| Il-Partit | Laburista qed jagħmel diversi wegħdiet oħra. Wegħdiet impoġġijin b’mod li ma jkollu xi jgħid ma’ ħadd! Filwaqt li jwiegħed li Gvern Laburista jġib il-low cost airlines fl-istess waqt iwiegħed li jgħin lill-Air Malta biex tibqa’ topera u tagħmel suċċess fl-ambjent kompetittiv u liberalizzat tal-lum. Fuq dan is-suġġett, il-pjan laburista la jgħid kif iridu li jiġu l-low cost airlines fil-pajjiż, u wisq anqas ma jgħid kif irid jgħin lill-Air Malta tikkompeti f’suq liberalizzat, jekk hux billi jitlob lil-linja nazzjonali tnaqqas mill-għadd ta’ ħaddiema li għandha!? |
| Il-pjan | laburista għas-settur turistiku hu wieħed mibni fuq premessi foloz. |
| Is-settur | tal-konferenzi u l-inċentivi ma jikbirx biss billi jkollok faċilitajiet li jakkomodaw aktar minn 1,500 delegat. Dawn qed naħsbu għalihom u se jkollna. Iżda biex tattira delegati għas-suq tal-konferenzi jrid ikollok lukandi ta’ Ħames Stilel fejn joqgħodu. L-Oppożizzjoni kienet ikkritikat dawn it-tip ta’ lukandi. Dan il-Gvern inkorraġihom, tant li l-lum minn ħamsa tlajna għal 15 u minn 1,200 sodda għandna fuq 6,000 sodda. |
| Nattiraw | aktar turisti lejn Għawdex billi l-ewwelnett nagħmlu minn Għawdex segment turistiku – kif sar dan l-aħħar – b’segment leader, budget u miri għalih. U anke billi nipprovdu l-infrastruttura turistika. Kif sar u qed isir bil-bini ta’ portijiet moderni fl-Imġarr Għawdex u fiċ-Ċirkewwa Malta, bil-heliport, b’toroq moderni, b’istitut għat-tagħlim turistiku u tant inizjattivi oħra. |
| It-turisti | jżuru pajjiżna għall-istorja u l-kultura billi nkomplu nwettqu proġetti biex nippreżentaw tajjeb s-7,000 sena ta’ storja ta’ Malta u Għawdex. Dan bdejna nagħmluh fl-Ipoġew, fid-Domus Romana u se nkomplu nagħmluh fit-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim, fil-Ġgantija u fit-tempji ta’ Ħal Tarxien. |
| It-turisti | abbord cruise liners ikomplu jiġu u jiżdiedu permezz tal-Cruise Liner Passenger Terminal, li llum għandna, u permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ għal dawn it-tip ta’ viżitaturi bħal dak li qed jitwettaq mit-terminal sa Misraħ Kastilja. |
| Il-Gvern | preżenti qed jagħti lis-settur turistiku l-akbar importanza. Ir-riżultati qegħdin hemm sew fin-numru akbar ta’ turisti li qed iżuru pajjiżna, sew fid-dħul aktar għal pajjiżna u anke fl-investiment dejjem akbar li qed isir mill-Gvern fl-infrastruttura, fit-tisbiħ u fil-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna u mis-settur privat li kull sena qed jonfoq aktar f’bini ta’ lukandi ġodda u f’estensjonijiet u modernizzar ta’ dawn eżistenti. |
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en