Left arrow Mur Lura

Iffirmata Dikjarazzjoni dwar l-Edukazzjoni Ogħla fil-Mediterran

pr0124
Date Icon 30/01/2006

Tlettax il-pajjiż Mediterranju, inkluż Malta, il-bieraħ iffirmaw Dikjarazzjoni ta’ Kooperazzjoni f’Catania bl-iskop li joħolqu “Arja Ewro-Mediterranea ta’ Edukazzjoni Ogħla”.  Dan kien il-qofol ta’ tliet ijiem ta’ diskussjoni waqt it-Tielet Konferenza ta’  Catania, inizjattiva imnedija minn Letizia Moratti, il-Ministru Taljana ta’ l-Edukazzjoni, l-Università u Riċerka. 

Il-pajjiżi li kienu rappreżentati fil-Konferenza, il-biċċa l-kbira fuq livell ministerjali, kienu: Alġerija, Eġittu, Franza, Greċja, Jordan, Italja, Libja, Malta, Marokk, Portugall, Slovenja, Spanja, Tuniżija, u Turkija.  Għal Malta ħa sehem il-Ministru Louis Galea li kien akkompanjat minn Dr Joe Mifsud, id-Direttur għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali fl-Università ta’ Malta. 

Il-Proġett ta’ Catania, kif hu magħruf, ġie mniedi mill-Gvern Taljan bl-ewwel konferenza f’Novembru ta’ l-2003, segwita bit-tieni konferenza f’Jannar 2005 u bit-tielet waħda issa, lkoll f’Cantania.  Malta kienet attiva f’dan il-proġett sa mill-bidunett. 

Tul dawn it-tliet snin il-Proġett ta’ Catania ħadem fuq żewġ proġetti.  L-ewwel wieħed huwa l-ħolqien ta’ xibka ta’ tmien ċentri ta’ eċċellenza f’pajjiżi tal-Mediterran f’oqsma speċifiċi xjentifiċi u teknoloġiċi.  It-tieni proġett huwa t-twaqqif ta’ Università Ewro-Mediterranea miftuħa ta’ Tagħlim b’Distanza, li tagħti lawrji u diplomi konġunti, u xxandar l-lezzjonijiet bis-satellita b’ħames lingwi (Ingliż, Għarbi, Taljan, Franċiż u Spanjol) fuq il-programm MedNet’U (Mediterranean Network of Universities) li hu finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Qasam ieħor li ġie identifikat huwa l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. 

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Catania l-gvernijiet preżenti kkonfermaw l-impenn tagħhom għal azzjoni favur id-djalogu, il-paċi u l-prosperità fl-arja Ewro-Mediterranea kif miftiehem fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona ta’ l-1995.  Il-Ministri qablu li fis-sentejn li ġejjin sa ma jerġgħu jiltaqgħu fis-Slovenja, jintensifikaw il-kooperazzjoni permezz ta’ networking ta’ inizjattivi u programmi. 

Il-Ministru Louis Galea fakkar li Malta dejjem tat importanza lil proċess ta’ networking bejn il-pajjiżi fl-arja Ewro-Mediterranea. Fil-fatt hemm diversi inizjattivi. 

Inizjattiva importanti hija l-Fondazzjoni Temi Zammit li qed taħdem fi ħdan l-Università Virtwali ta’ Aviċenna għal żvilupp ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni u e-learning.  Inizjattiva oħra hija dik fi ħdan il-programm Socrates fejn l-Università qed tikkoordina Network Tematiku dwar id-djalogu fil-Mediterran.  Dawn l-inizjattivi huma ko-finanzjati mill-UE.  Malta ilha mill-bidunett attiva ħafna fil-Proċess ta’ Bologna u lesta taħdem biex proċess simili jinfirex fil-pajjiżi kollha tal-Mediterran. 

Il-Ministru Galea stieden lil dawk preżenti biex jiġu Malta f’Ġunju ta’ din is-sena għal laqgħa tal-Universitajiet tal-Euromed.  Huwa qal li bl-għajnuna tal-UE l-Università ta’ Malta toffri programm ta’ Masters fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Mediterran.  Il-Ministru Galea qal li hu importanti li jkun hemm aktar networking tan-networks li diġa’ jeżistu bħas-Santander, Campostella, Utrecht u l-Fondazzjoni Anna Lindh.  Il-Ministru Galea qal  ukoll li huwa jappoġġja bis-sħiħ kull kooperazzjoni għat-tisħiħ ta’ l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fir-reġjun.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow