Left arrow Go Back

Il-Karnival bħala attrazzjoni turistika annwali

pr0120
Date Icon 30/01/2006

Fi sforz biex il-Karnival jinbidel f’attrazzjoni turistika għal Għawdex, il-Kumitat Organizzativ Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qiegħed, minn din is-sena, jorganizza l-Karnival t’Għawdex mifrux fuq żewġ weekends minflok wieħed.  

Il-Karnival t’Għawdex 2006 se jibda mill-Ġimgħa 17 ta’ Frar u jasal fi tmiemu nhar it-Tlieta 28. Il-programm ta’ l-attivitajiet huwa strutturat b’mod li jiġu kordinati l-attivitajiet kollha tal-Karnival li normalment jiġu organizzati fid-diversi rħula madwar Għawdex f’dawn il-jiem. Dan seta’ jkun possibbli minħabba l-koperazzjoni li l-Kumitat Organizzativ Kultura sab fid-diversi kunsilli lokali t’Għawdex li qablu li jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom sabiex f’Għawdex jiġi organizzat Karnival wieħed fuq bażi reġjonali. 

Il-Karnival t’Għawdex 2006 se jippreżenta kompetizzjonijiet ta’ żfin u kostum, karrijiet, baned lokali u maskli grotteski fit-toroq prinċipali tal-Belt Victoria, kompetizzjonijiet diversi fl-irħula differenti t’Għawdex organizzati mill-kunsilli lokali rispettivi u ċelebrazzjonijiet tradizzjonali.  

Ġew adottati regolamenti ġodda għall-Karnival t’Għawdex 2006 inkluż regolamenti dwar l-eliġibilita’ ta’ punteġġi għall-parteċipanti fil-kompetizzjonijiet differenti, li jistgħu jirriżultaw fl-ogħti ta’ premijiet ikbar lil dawk li jiksbu l-aħjar riżultati. Ir-riżultati finali jiddikjaraw il-pożizzjon tal-parteċipanti fil-kategoriji differenti li tiġi evalwata skond kriterji stabiliti, bil-possibilita’ li jkunu iktar minn parteċipant wieħed dawk li jaslu fl-aħjar kategorija u allura jirbħu l-premju massimu.  

Ir-regolamenti l-ġodda wasslu għas-sehem konsiderevoli ta’ parteċipanti fil-kompetizzjonijiet kollha li jsiru fil-belt Victoria, bis-sehem ta’ sitt kumpaniji taż-żfin u kostum tal-kbar, żewġ kumpaniji taż-żfin u kostum taż-żgħar, tlett kumpaniji Hilarious, sett ta’ maskri grotteski u ħames karrijiet ta’ daqs differenti kif ukoll sittax-il kumpanija ta’ żfin u kostum ta’ l-iskejjel. F’dawn il-jiem, il-Kumitat Organizzativ Kultura ser ikun qed jerġa’ jippreżenta wirja marbuta mal-Karnival fis-swali tal-Ministeru għal Għawdex mis-Sibt 11 ta’ Frar. 

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li l-Kumitat Organizzativ Kultura fi ħdan il-Ministeru tagħha kien ilu għal dawn l-aħħar xhur jevalwa l-modi ta’ kif jista’ jitkabbar il-Karnival t’Għawdex. It-tibdiliet li qed iseħħu minn din is-sena għandhom l-għan li jsaħħu l-elementi ta’ diversita’ f’din iċ-ċelebrazzjoni popolari bil-għan li tiġi kkreata manifestazzjoni waħda iktar wiesa’ li tirrispetta t-tradizzjonijiet u l-kultura assoċjata mal-Karnival f’kull lokalita’ t’Għawdex filwaqt li fl-istess ħin l-industrija turistika għall-gżira tiġi ppreżentata b’attrazzjoni oħra għax-xhur iktar kwieti tax-xitwa.

Il-Ministru Debono qalet li l-organizzazzjoni tal-Karnival t’Għawdex b’dan il-mod tirrepeti ruħha kull sena jekk l-esperiment ta’ din is-sena jirnexxi. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow