IL-GVERN IĦABBAR RIFORMA FIS-SERVIZZ TAT-TAXIS
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta, fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qed jimplimentaw riforma fil-qasam tat-trasport bit-taxis f’Malta u Għawdex.
Din ir-riforma hija intiża biex is-servizz isir jappella aktar għall-użu mill-pubbliku bl-introduzzjoni ta’ miżuri li jtejjbu l-imġieba u d-dixxiplina tax-xufiera, kif ukoll miżuri oħra biex il-ħlas tan-nollijiet ikunu kontrollati aħjar permezz ta’ l-installazzjoni ta’ taxi-meter fuq kull vettura.
Din ir-riforma qed tiddaħħal wara sena u nofs ta’ negozjati bejn il-Gvern, l-Awtorità u White Taxis Licensed Amalgamated (WTLA) li tirrappreżenta l-maġġoranza tas-sidien u xufiera tat-taxis. L-istess negozjati kienu wasslu għal titjib ieħor fis-servizz, fosthom organizzazzjoni aħjar fiż-żona madwar it-Terminal tal-Passiġġieri tal-Cruise Liners, l-introduzzjoni ta’ taxi booths fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fit-Terminal tal-Passiġġieri tal-Cruise Liners, u titjib fl-infurzar mill-ADT bl-istallazzjoni ta’ CCTV cameras fl-inħawi fejn joperaw it-taxis.
Ir-riforma li ġiet approvata mill-Kabinett tal-Ministri aktar kmieni din il-ġimgħa, tinkludi miżura biex jiġi ntrodott kodiċi ta’ kondotta għas-sidien u xufiera. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li tiddaħħal għodda biex imġieba ħażina mix-xufier jew għoti ta’ servizz ħażin ikunu jistgħu jiġu ndirizzati mingħajr telf ta’ żmien, u każijiet ta’ ksur tar-regolamenti tinħarġilhom multa li jew tiġi mħallsa mmedjatament jew tiġi kkontestata quddiem tribunal indipendenti. Fl-istess ħin, l-Awtorità ser taġġorna d-database tas-sewwieqa bl-introduzzjoni ta’ tags ġodda li ser iġorru barcode u ritratt, li jingħataw biss jekk is-sewwieq u s-sid tat-taxi jiffirmaw il-kodiċi ta’ kondotta. Ser isir ukoll tibdil fir-regolamenti biex tiżdied l-uniformità fid-daqs u l-għamla tal-vetturi li jintużaw bħala taxis filwaqt li ser isir obbligatorju l-ilbies ta’ uniformi u tags mis-sewwieqa. Dan il-proċess ser jitlesta sal-31 ta’ Marzu 2006.
Il-kodiċi ta’ kondotta jinkludi wkoll dispożizzjoni biex it-tag tiġi irtirata f’każ ta’ reati serji bħal reżistenza mix-xufier, vjolenza, serq fuq il-passiġġieri u sewqan taħt l-influenza ta’ sustanzi pprojbiti.
Miżura oħra li ser tiddaħħal f’din ir-riforma hija d-dħul mill-ġdid tat-taxi meters. Kull taxi ser tkun mgħammra b’dawn il-meters sal-1 ta’ Mejju meta l-użu tagħhom isir obbligatorju. Id-dħul ta’ dawn it-taxi meters kien possibbli wara li l-Awtorità dwar it-Trasport diġa` approvat ta’ l-anqas mudell wieħed li jista’ jintuża.
Ir-riforma taħseb ukoll biex tintroduci mezzi ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni għal operaturi fis-servizzi ta’ trasport. Fl-aħħar ġimgħat, l-Awtorità dwar it-Trasport u l-Awtorità tat-Turiżmu laħqu ftehim biex jorganizzaw seminars ta’ taħriġ għal operaturi f’dan il-qasam. Is-seminars ser isiru anke b’għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea.
L-ewwel fażi ta’ dan it-taħriġ tiġi fi tmiemha din is-sena u matulha ser issir iċ-ċertifikazzjoni ta’ 264 operatur fit-trasport pubbliku, li jinkludu wkoll bosta sewwieqa tat-taxis. Dan il-proċess ser ikompli sakemm l-operaturi kollha f’dan il-qasam jingħataw it-taħriġ meħtieġ.
Il-Gvern huwa konvint li b’rieda tajba mill-partijiet konċernati kollha, is-servizz tat-taxis f’pajjiżna jista’ jsir wieħed mill-assi ta’ pajjiżna, wkoll fejn jidħol it-turiżmu. Din ir-riforma, għalhekk, għandha l-għan li telimina il-perċezzjoni ħażina li għandu l-pubbliku dwar dan is-settur. Fl-istess ħin, dawn il-miżuri - b’mod speċjali l-introduzzjoni tat-taxi meters - għandhom iqarrbu lill-pubbliku ġenerali biex jibda jagħmel aktar użu minn dan is-servizz.
Stqarrijiet Oħra:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en