DISKORS TA’ L-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U L-KOMUNIKAZZJONI WAQT SEMINAR BIT-TITLU ‘KICK-STARTING eBUSINESS - NISCO 10TH MEETING’ – SAN ĠILJAN – IL-ĠIMGĦA, 27 TA’ JANNAR 2006
Huwa pjaċir tiegħi li nilqagħkom għal dan is-seminar, u nawgura li jkollna diskussjoni intensa dwar din it-tema magħżula. Nittama li mid-diskussjonijiet joħorġu ideat dwar kif nistgħu nagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet li jġibu magħhom l-iżviluppi li kull ma jmur qed ikollna fis-setturi ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni. Din id-diskussjoni trid issir fil-kuntest tar-realtajiet ta’ l-industrija lokali, li kif kulħadd jaf, hi magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn intraprizi li jħaddmu inqas minn għaxra min-nies, u li għaldaqstant huma dawk li jsibuha l-aktar diffiċli biex jinvestu fit-teknoloġija.
Huwa propju frott ta’ l-iżvilupp kbir li twettaq mill-Gvern fis-settur ta’ l-ICT, li llum qegħdin hawn u nistgħu nitkellmu dwar ambjent aktar globalizzat tal-kummerċ. Tmintax –il sena ilu kienet diffiċli anki li jkollok l-użu ta’ linja fissa, u għalkemm s-servizz ċellulari f’Malta bdew fl-1988, ftit kienu dawk li kellhom aċċess għal din is-sistema, u l-istess jista’ jingħad għal meta beda l-Internet. Issa li l-ħidma tal-Gvern qed tagħti r-riżultati, anki l-intrapriżi ż-żgħar għandhom l-opportunita’ li joffru s-servizzi tagħhom fuq l-Internet jew ifittxu dak li l-intrapriżi l-oħra madwar id-dinja qegħdin joffru. Naħseb li wara ħafna snin niddiskutu dwar l-e-business bħala xi ħaġa li ser iseħħ fil-futur qarib iżda ma tasal qatt, issa wasal il-waqt li niddiskutu fuq dan il-qasam bħala realta’ fid-dinja tagħna ta’ kuljum.
Dan is-suġġett huwa wieħed li l-Ministeru tiegħi jħares lejh b’attenzjoni partikolari, għaliex għandu rwol importanti ferm fis-setturi li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-Ministeru. Is-settur tal-komunikazzjoni, kif nafu, mhux biss juża’ dawn it-teknoloġiji sabiex ikun jista’ joffri s-servizzi tiegħu, iżda iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed jiddependi fuq l-intrapriżi li minn naħa tagħhom ukoll iħaddnu dawn it-teknoloġiji għat-tkabbir ekonomiku tagħhom. Fl-istess waqt, is-settur tal-komunikazzjoni u f’dan il-każ is-settur ta’ l-e-business huwa importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiz b’mod ħolistiku, għas-sempliċi raġuni li t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni hi bla dubju kontributur ewlieni għall-kompetittivita’ nazzjonali.
Aspett ieħor marbut ma’ dan kollu ċertament huwa l-ħolqien ta’ l-impjiegi. Ir-realta’ li qegħdin ngħixu llum hi l-ħtieġa għall-impjieg ta’ iktar nies imħarrġa fl-użu tat-teknoloġija. Din in-neċessita’ qed tkun indirizzata mill-Gvern anki fil-livell ta’ l-edukazzjoni, fejn qiegħda ssir ħidma biex tinċentiva lil dawk l-istudenti li jagħżlu biex ikomplu l-istudji tagħhom fl-IT. B’dan il-mod, filwaqt li nkunu qegħdin nindirizzaw is-settur ta’ l-impjiegi, inkunu qegħdin ukoll niggwidaw b’mod aħjar l-istudenti għall-għażla ta’ settur li għandu baħar ta’ opportunitajiet.
Illum qed naraw ir-riżultati fis-settur tal-komunkazzjoni: daħlet il-kompetizzjoni fl-oqsma kollha ta’ dan is settur mit-telefonija fissa sad-distribuzzjoni tal-programmi televiżivi, u partikolarment importanti fil-qasam ta’ l-e-business hi l-kompetizzjoni fil-proviżjoni ta’ “gate ways” għall-komunikazzjoni ma’ pajjiżi barra minn Malta. B’hekk l-intrapriżi li jagħmlu użu estensiv mill-informatika jistgħu jassiguraw irwieħhom mill-kontinwita’ fil-komunikazzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ġieli seħħ meta is-servizzi ma kinux ikunu kontinwi u għaldaqstant jikkrejaw diffikultajiet kbar għall-intrapriżi. Il-kompetizzjoni ġabet magħha qabża fil-kwalita’ tas-servizzi, għażla u fuq kollox tnaqqis fil-prezzijiet. Bħal kollox għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir iżda naħseb li nistgħu ngħidu li minn dan il-lat qegħdin fuq it-triq it-tajba.
E-business ikopri mhux biss dak li inqisu bħala eCommerce – jiġifieri l-bejgħ ta’ servizzi jew prodotti minn fuq l-internet, iżda wkoll l-użu tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u ta’ l-informatika fil-proċessi li jwasslu biex jiġi pprovdut servizz jew prodott, anki jekk per eżempju dan jinbiegħ mill-ħwienet. Għaldaqstant, din l-integrazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji fis-sistemi ta’ l-intrapriżi twassal ghar-ristrutturar tal-mod kif dawn jaħdmu u għal żieda fil-kompetittivita’ ta’ dawk l-intraprizi li jagħmlu użu għaqli minn dawn it-teknoloġiji.
L-isfida li għandna quddiemna hija li nħeġġu, kif ukoll nipprovdu l-mekkaniżmi biex l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jagħmlu dan. Nafu li l-intrapriżi ż-żgħar, ibatu aktar mill-intrapriżi kbar biex jagħmlu pass bħal dan, u għalhekk ladarba l-ekonomija Maltija hija mibnija fuq l-intrapriżi ż-żgħar, xogħolna mhux wieħed faċli.
Fir-realta’ għalkemm sar ħafna xogħol importanti, għad baqa’ ħafna xi jsir biex l-oġġettivi tagħna nkunu lħaqnihom. Is–seminar jagħti xhieda ta’ dan - nafu li għadna fil-fażi ta’ “kick-starting”, madanakollu inħoss li llum il-ġurnata għandna bażi soda fuq hiex naħdmu, partikolarment minħabba l-fatt li l-policies, l-infrastruttura u l-inċentivi fuq dan is-settur jinsabu fi stadju avvanzat.
Kif diġa’ semmejt, għaddejna minn fażi importanti ta’ liberalizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Mingħajr settur sod u kompetittiv fil-proviżjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni kien ikun kollu ta’ xejn li noqogħdu niddiskutu l-e-business. Issa wasalna wkoll biex nintroduċu regolamenti ġodda li jittrataw il-kummerċ elettroniku. Mhux ser nidħol fid-detall ta’ f’hiex jikkonsistu dawn ir-regolamenti għaliex ser nitkellmu fuqhom iżjed tard illum, iżda xtaqt niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika tal-Gvern fir-rigward ta’ dan is-settur tibqa’ waħda li tqis li tiffaċilita iżjed milli tirregola. Ir-regolamenti dwar il-kummerċ elettroniku huma allura intenzjonati biex nassiguraw illi l-kummerċ elettroniku f’Malta jsir b’mod li jnissel fiduċja f’dawk li jkunu qegħdin jitħajru jagħmlu użu minn dawn is-servizzi, kif ukoll f’dawk jitħajru joffruhom.
L-implimentazjoni ta’ dawn ir-regolamenti ser taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ Maltija dwar il-Komunikazzjoni. Għandi pjaċir ngħid li l-Awtorita’ diġa’ ħadet l-inizjattiva w ikkonsultat dwar il-mod kif għandhom jiġu mplimentati dawn ir-regolamenti, u fl-stess waqt qed tinkoraġixxi lill-industrija biex iddaħħal mekkaniżmi ta’ “self-regulation”. Nixtieq nieħu din l-opportunita’ biex inħeġġeġ l-industrija li tieħu dan il-pass għaliex bla dubju dan jgħin biex is-settur jiżviluppa b’mod sod. Dan is-suġġett jorbot ukoll ma’ wiehed mill-proġetti imnedija taħt il-“kick-starting e-business programme”.
Għaldaqstant, huwa ta’ inkoraġġiment għalija li f’dan is-seminar ser ikollna interventi minn naħa ta’ l-industrja. Bla dubju, għalkemm il-Gvern għandu ir-responsabbilitajiet tiegħu f’dan ir-rigward, u kif ser niddiskutu ’l quddiem hemm numru ta’ proġetti li ser jitwettqu, mhux biżżejjed li naħdmu flimkien minn naħa tal-Ministeru għall-Ivestiment l-Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u minn naħa tal-Ministeru tiegħi, iżda irridu naħdmu id f’id ukoll ma’ l-intrapriżi nfushom biex nidentifikaw dak li qed ixekkilna milli nagħmlu iżjed progress f’dan il-qasam u flimkien nindirizzaw dawn il-fatturi b’mod konkret. Sinjuri, nawgura li dan is-seminar ikun utli minn dan l-aspett u m’għandix dubju li ser inkomplu naħdmu fis-sod biex il-miri tagħna f’dan ir-rigward jintlaħqu.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en