Left arrow Go Back

INIZJATTIVI BIEX TITKATTAR IL-KULTURA TAL-IT FL-SME’S

pr0109
Date Icon 27/01/2006

“L-inizjattiva Kick Start eBusiness, tirrifletti l-għan tal-Gvern li jkattar il-kultura ġdida tat-teknoloġija ma’ l-intrapriżi speċjalment dawk ta’ daqs żgħir u medju (SMEs). Dawn l-intrapriżi, għalkemm jidhru żvantaġġjati minħabba d-daqs, għandhom potenzjal kbir li bis-saħħa tat-teknoloġija jippenetraw swieq ġodda, lokali u internazzjonali, kemm f’kuntest ta’ ‘Business to Business’(B2B) u ‘Business to Consumer’ (B2C).” Dan qalu il-Ministru għall-Investiment, Industrija u IT, Austin GATT meta kien qed jindirizza s-seminar, Kick Start eBusiness.

Il-Ministru Austin Gatt spjega li biex l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju jkollhom suċċess fl-addozzjoni tal-kummerċ elettroniku, irid ikun hemm sforz kollettiv bejn kull forma ta’ interess kummerċjali. Il-Pjan ta’ Azzjoni ‘Kick-Start’ huwa msejjes fuq dan il-prinċipju. Fil-fatt, il-pjan ġie diskuss w approvat minnkom f’ laqgħa. 

Il-Ministru Gatt tenna li l-fehma tiegħu hija li l-Oppożizzjoni għandha tipparteċipa b’mod attiv fil-bini tal-politika ta’ Malta dwar it-teknoloġiji u kien għalhekk li s-Sur Leo Brincat ġie mistieden biex jipparteċipa u jikkontribwixxi. Ġaladarba jeżisti konsensus dwar l-aspetti fundamentali  m’għandux għalfejn ma ngħinux ‘il xulxin dwar id-dettalji. “Din hi opportunità ta’ bidla kulturali fuq diversi aspetti oħra dwar kif għandha ssir il-politika f’Malta” tenna Austin Gatt.  Hu għalhekk li minn mindu waqqafna ‘n-NISCO, il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika ntalbu jkunu membri. 

Fuq il-linji ta’ l-Istrateġija Nazzjonali ta’ l-ICT, il-Gvern, flimkien mal-Malta Enterprise, qed jimplimenta dan il-pjan ta’ azzjoni li jġib l-isem ta’ ‘Kick-Start’. B’kollox hemm 19-il inizjattiva, biex kumpaniji ta’ kull daqs, jiġu mejjuna jaddotaw it-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, speċjalment il-kummerċ elettroniku.

Il-pjan mfassal fuq sentejn jikkonsisti minn inizjattivi li jsaħħu kapaċitajiet ta’ l-intrapriżi b’ riżorsi umani u teknoloġiċi, u li jimmassimizzaw il-benefiċċji li jġib l-investiment teknoloġiku kif ukoll minn inizjattivi li jkabbru l-għarfien fost l-intrapriżi u l-konsumaturi kif ukoll programmi ta’ tagħlim għall-intraprendituri.Hemm ukoll inizjattivi oħra li jikkontribwixxu indirettament għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku fil-pajjiż.

L-ewwel tip ta’ inizjattivi jinkludu t-twaqqif ta’ infrastrutturi (simili għal tal-BOV) li joffru ‘e-Marketplaces’ u ‘e-Malls’, l-iżvilupp ta’ ‘Roadmaps’ biex iservu ta’ gwida għal diversi setturi, strateġija għall-esportazzjoni (e-Export), kif ukoll żvilupp u promozzjoni għall- m-Commerce.  

It-tieni sett ta’ inizjattivi nsibu kampanji ta’ informazzjoni għall-konsumaturi u l-intraprendituri, programmi ta’ taħriġ għall-intraprendituri kemm ġeneriċi kif ukoll speċjalizzati, kif ukoll il-proviżjoni tal-kors ‘myWeb’ għall-impjegati.  

L-aħħar sett ta’ inizjattivi jinkludu l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ l-e-Banking, l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ servizzi ta’ l-e-Government li jiffaċilitaw il-Kummerċ, portal ta’ l- e-Business, kif ukoll il-proviżjoni ta’ statistika dettaljata li tindika ix-xenarju lokali. 

Grazzi għal inizjattivi fil-programm ‘Kick-Start’, l-istatistika ppreżentata mill-NSO ġiet estiża biex tinkludi wkoll kumpaniji ta’ inqas minn 10 impjegati. 96% tal-kumpnaiji Maltin huma ta’dan id-daqs u għaldaqstant l-istatistika li qed tiġi ppreżentata tirrifletti b’mod sħiħ l-istampa tal-pajjiż. L-istatistika li ppreżentat NSO hija parti minn eżerċizzju ma’ l-Ewropa kollha u meta l-eżerċizzju jkun finalizzat, id-diverġenzi li jeżistu bejn pajjiżna u membri oħra joħorġu aktar fil-beraħ. 

Waqt dan is-seminar saret preżentazzjoni tar-riżultati ta’ stħarriġ li għamel l-NSO. L-istatistika ppreżentata mill-NSO turi li 93.3% ta’ l-intraprizi żgħar, medji u kbar (SML) jużaw il-kompjuter. Jekk ma’ dawn iżżid l-industriji micro, allura l-persentaġġ jinżel għal 59.9%. 89.5% ta’ intrapriżi SML jużaw l-Internet, filwaqt li jekk wieħed jinkludi l-industriji micro dan jkun 52.2%. 54.2% ta’ l-intrapriżi SML għandhom sit elettroniku. Jekk magħhom tinkludi l-intrapriżi micro dawn jammontaw għal-21.6%. 14.3% ta’ l-intrapriżi SML jbiegħu online. Jekk magħhom tinkludi l-industriji Micro, l-ammont huwa ta’ 2.16%. L-istatistika tikkonferma, li 54.5% tad-djar Maltin għandhom l-Internet. L-istatistika tindika wkoll li 10.5% tal-Maltin qed għamlu xiri elettroniku f’ dawn l-aħħar tlet xhur.  

Studju tat-tip ‘Gap Analysis’ fuq il-Kummerċ Elettroniku f’Malta, u li wkoll ġie ppreżentat waqt l-istess Seminar, juri li biex l-intrapriżi Maltin igawdu minn kummerċ elettroniku, huma jenħtieġu infrastruttura li tiggarantixxi l-proviżjoni ta’ konnettività adegwata, kif ukoll diversi soluzzjonijiet teknoloġiċi, soluzzjonijiet anċillari, u servizzi bankarji. Il-‘Gap Analysis’ li l-Gvern ikkummissjona u janalizza x-xenarju kummerċjali Malti u jistabbilixxi li l-limitazzjonijiet li hemm bħalissa fis-suq jinkludu  

                                                  i.      L-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni,
              ii.      Servizzi ta’ pagamenti b’format diġitali,
              iii.      Assigurazzjonijiet,
              iv.      Servizzi ta’ distribuzzjoni,
              v.      Strutturi operati minn intermedjarji,
              vi.      Livell ta’ għarfien fuq is-suġġett, u
              vii.     Proviżjoni ta’ strutturi legali u mekkaniżmi għar-
                        reżoluzzjonijiet ta’ disputi. 

Dan l-istudju juri li bosta intrapriżi zgħar jużaw l-Internet iżda mhux b’mod konsistenti. Jindika wkoll li intrapriżi żgħar iqisu l-ispejjeż involuti biex jipprovdu l-kummerċ elettroniku wisq akbar mir-ritorn li jista’ jrendi.  Hemm bżonn ta’ aktar ġħarfien fuq dan is-suġġett.  F’ċerti setturi bhal dak tad-divertiment għandhom potenzjal kbir. Joħroġ ukoll li jeżisti  potenzjal kbir għal kumpaniji żgħar fil-kummerċ elettroniku fejn jidħol xiri (bħal bl-ingrossa) u xogħol amministrattiv.  Fejn jidħol attivita’ kumerċjali B2B, dan jista’ jseħħ biss meta kumpaniji kbar jieħdu l-inizjattiva u jmexxu s-swieq. 

Il-Ministru Gatt qal li dan l-istudju ser iservi ta’ bażi ta’ dokument li ser jiġi ppubblikat aktar tard din is-sena u għandu jipprovdi linji ta’ gwida għall-intrapriżi fl-adozzjoni tal-kummerċ elettroniku kif ukoll bħala għodda biex nattiraw investiment barrani (FDI).  

Dwar it-taħriġ, il-Ministru Austin Gatt qal li grazzi għal għajnuniet minn kumpanija privata, illum qed niftħu ċentri mgħammra b’kompjuters u għodda ta’ taħriġ fil-qalba tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex.  Huwa fil-pjan li l-programmi ta’ taħriġ li qed jiġu mħejjija għall-intrapriżi żgħar u li ser jibdew fil-qarib, isiru f’dawn iċ-ċentri. Apparti dan il-Malta Enterprise ser tkun qed tikkordina diversi programmi ta’ taħriġ. Dawn ser ivarjaw minn korsijiet bażiċi għal oħrajn aktar avvanzati, kif ukoll ‘mentorship’. 

Il-Ministru Gatt fisser il-kors MyWeb f’ l-intrapriżi bħala eżempju eċċezzjonali ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-Privat. Illum, grazzi ghal dan il-programm, jista’ jintqal li l-ħaddiema Maltin f’dawn l-intrapriżi huma mħarrġa fit-teknoloġija u għaldaqstant aktar flessibbli.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow