JIBDA X-XOGĦOL INFRASTRUTTURALI FUQ L-EWWEL TRIQ KO-FINANZJATA MILL-UNJONI EWROPEA F’GĦAWDEX
Xogħlijiet fuq it-triq li tgħaqqad lill-belt Victoria ma’ San Lawrenz, b’investiment ta’ madwar €4 miljun, u li huma finanzjati in parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, bdew din il-ġimgħa.
It-triq, li hi twila madwar 3.7 kilometri, se tinqala’ kompletament u terġa’ tiġi mibnija skond standards Ewropej. It-triq hija l-arterja prinċipali li tgħaqqad lill-belt Victoria ma’ l-irħula ta’ l-Għasri, l-Għarb u San Lawrenz inkluż l-attrazzjonijiet turistiċi tad-Dwejra, il-fanal ta’ Ġordan u l-villaġġ ta’ snajja’ Ta’ Dbieġi. Dan il-proġett se jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq u t-tibdil ta’ servizzi anċillari tul ir-rotta kollha.
L-ewwel xogħlijiet infrastrutturali bdew iktar kmieni din il-ġimgħa bl-ewwel studji preliminari fuq l-art sottostanti biex imbagħad ikun jista’ jinbeda x-xogħol infrastrutturali fuq skala ikbar.
Din it-triq tifforma parti kbira mir-rotta li tgħaqqad il-parti tal-punent tal-gżira t’Għawdex mal-bqija tal-gżira u ma’ Malta. Minbarra din it-triq, fondi mill-Unjoni Ewropea ser jintużaw ukoll għall-proġett tal-bini mill-ġdid tat-triq ta’ l-Imġarr u tat-triq tax-Xlendi.
Dan il-proġett qed jitwettaq permezz tal-Programm ta’ Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en