Knights Spectacular 1565
‘Knights Spectacular 1565’ hu spettaklu li jdur madwar l-Assedju l-Kbir ta’ Malta ta’ l-1565. Dan l-ispettaklu qed jittella’ mill-MK Leisure, li jifforma parti mill-Polidano Group, u għandu jservi ta’ attrazzjoni turistika. L-ispettaklu hu ppjanat li jibda jintwera fis-sajf ta’ din is-sena u se jsir fuq bażi regolari f’arena mgħottija li tieħu 600 persuna bil-qegħda. F’dan l-ispettaklu jipparterċipaw 50 persuna: Maltin u barranin – persuni mħarrġa fil-maniġġ tax-xabla, stuntmen u żeffiena, flimkien ma’ 10 żwiemel. Il-wirja hi diretta minn Salvu Mallia bil-partitura mużikali oriġinali ta’ Mro. Paul Abela.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech kien preżenti għall-preżentazzjoni ta’ video promozzjonali u ta’ uħud mill-kostumi u l-korazzi li nħadmu apposta. Hu qal li wirjiet bħal dawn kien ta’ min jinkoraġġihom għaliex kienu jgħinu lit-turist isir jaf aktar dwar l-istorja ta’ pajjiżna mhux biss mill-kotba iżda anke permezz ta’ re-enactments.
“L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta tniedi sensiela ta’ re-enactments matul is-sena kollha li juru l-istorja ta’ pajjiżna fil-bliet wara s-swar u f’fortifikazzjonijiet. ‘Fondazzjoni Wirt Artna’ wkoll tniedi re-enactments f’fortifikazzjonijiet ta’ l-epoka Ingliża. Ma’ dawn irrid inżid ukoll il-musical bit-tema ta’ l-Assedju l-Kbir tal-1565 li ntwera fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u fil-Forti Sant’Anġlu. Dawn l-attivitajiet inqisuhom bħala parti essenzjali fil-ħidma li qed titwettaq mill-Gvern u l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta biex it-turisti li jżuruna ma jħarsux lejn Malta bħala biss destinazzjoni iżda anke bħala esperjenza,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li issa, bħala riżultat tar-ristrutturar ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, ġew identifikati numru ta’ segments, jew niċeċ. Dawn ingħataw leader u vot bl-iskop li jkunu jistgħu jmexxu ’l quddiem setturi partikolari fil-qasam turistiku. Hu qal li fost dawn is-segments hemm dak tat-turiżmu kulturali, li hu t-tieni l-akbar wieħed. Hu qal li Malta hi ċentru ta’ kultura u storja li b’ħidma bejn kulħadd tista’ tattira ħafna aktar turisti li huma nteressati fl-istorja u l-kultura, għaliex f’pajjiż ta’ 316-il kilometru kwadru hawn kampjun ta’ l-istorja kollha ta’ l-umanita’ tul l-aħħar 7,000 sena.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann tista’ titqies bħala l-aktar waħda importanti ta’ l-istorja ta’ pajjiżna mhux biss għaliex kienu l-kavallieri li bnew il-bliet mdawwra bis-swar ta’ pajjiżna, knejjes u palazzi iżda wkoll għaliex il-Kavallieri kienu jiġu minn diversi nazzjonalitajiet, b’kull nazzjonalita’ ikollha l-berġa tagħha u tħares parti mill-fortifikazzjonijiet assenjati lilha. Hu qal li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann tista’ titqies ukoll bħala l-predeċessur ta’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk kellha sinifikat mill-aktar importanti għall-Ewropa u għalina li sentejn ilu sseħibna fl-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261951
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...
PR261950en