Left arrow Mur Lura

Pass ieħor fit-twettiq tal-politika tal-Gvern dwar ix-xandir

pr0097
Date Icon 26/01/2006

Meta kien qed jitkellem fl-introduzzjoni ta’ laqgha ta’ konsultazzjoni dwar il-programmi meqjusa bhala ta’ l-Extended Public Service Obligation (EPSO), il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-seminar li qed isir illum huwa pass ieħor fit-twettiq tal-politika tal-Gvern li x-xandir tas-servizz pubbliku jkun tassew għas-servizz pubbliku. Hu qal li s-seminar li qed isir illum huwa parti minn għadd ta’ inizjattivi ta’ konsultazzjoni li qed jieħu l-Ministeru għat-Turizmu u l-Kultura biex il-pubbliku jħalli l-marka tiegħu fuq l-ipprogrammar tal-Public Broadcasting Services (PBS).

Il-Ministru Zammit Dimech spjega li r-riforma li l-Gvern ried jagħmel fil-PBS kellha żewġ friegħi. L-ewwel waħda kienet organizzattiva. Għalhekk il-Gvern, minn tmiem l-2003,  imbarka fuq proċess ta’ ristutturar biex jassigura l-effiċjenza u s-sostenibiltà finanzjarja ta’ dan it-tip ta’ xandir. Hu qal li r-riforma li jrid jagħmel il-Gvern tmur lil hinn minn dan kollu. Anzi dan kollu huwa biss għas-servizz tal-mira tal-Gvern li x-xandir pubbliku jkun wkoll xandir ta’ kwalità li jiddistingwi ruhu mill-bqija tax-xandir f’pajjiżna.  

Il-Gvern, biex jilħaq dan il-għan, f’Mejju 2004,  nieda l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir; u hija r-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura li jara li din il-politika titħaddem bl-aħjar mod possibbli. 

“Skond din il-politika l-Gvern, kull sena, jagħti somma ta’ flus lill-PBS Ltd biex din tintuża għal tnax-il tip ta’ programmi magħrufa bħala programmi ta’ Extended Public Service Obligation.  Dawn it-tnax-il tip ta’ programm jinkludu, fost l-oħrajn, programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, tat-tfal, edukattivi, reliġjużi, kulturali, diskussjonijiiet u t-trasmissjoni tal-Parlament bir-radju. Dan il-Ministeru għandu r-responsabbiltà li jfassal lista dettaljata tal-ħtigiet tal-Ministeru fil-qasam tal-ipprogrammar EPSO. Din il-lista tinkludi l-ġeneri tal-programmi, l-frekwenza ta’ meta jixxandru u, jekk meħtieġ, it-tul tat-trasmissjoni ta’ kull programm li teħtieġ din il-politika nazzjonali. Imbagħad tkun ir-responsabbiltà tal-PBS li bil-mod trasparenti stabbilit mill-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir jagħżel lill-produtturi indipendenti li jagħmlu l-programmi fuq l-istazzjon nazzjonali,” tenna l-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministeru jfassal il-ħtiġiet tiegħu wara proċess ta’ konsultazzjoni. Hu qal li din is-sena l-Ministeru iddeċieda li biex iħejji din il-lista, jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Hu żied  li din il-laqgħa li għaliha ġie mistieden il-pubbliku in ġenerali, il-produtturi indipendenti, l-edukaturi, l-opinjonisti u oħrajn, hija parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Hu tenna li dawk li jixtiequ jagħtu fehemthom iżda ma setgħux jiġu għal dan is-seminar, jistgħu jagħmlu hekk billi jibgħatu l-fehmiet tagħhom permezz ta’ l-e-mail. Hu qal li l-Gvern se jagħti l-akbar importanza lis-suġġerimenti li jirċievi. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Ministeru se jniedi wkoll għadd ta’ inizjattivi oħra biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu fil-qasam tax-xandir. Hu qal li fi żmien qasir fil-web site tal-Ministeru se tiżdied taqsima dwar ix-Xandir. Din it-taqsima se tagħti tagħrif siewi dwar ir-rwol tal-Ministeru f’dan il-qasam ta’ tant importanza għal pajjiżna u għandha tkun ta’ għajnuna għal dawk interessati fil-qasam tax-xandir. 

“Il-Ministeru jixtieq li jsaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ l-industrija fil-qasam awdjoviziv b’mod partikolari l-produtturi indipendenti. Se ssir riċerka dwar dan il-qasam u aktar tard din is-sena, flimkien mal-Media Desk fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, se nippubblikaw direttorju dwar dan is-settur. Barra minnhekk mill-web site tal-Ministeru se nipprovdu l-possibiltà ta’ links ma’ web sites ta’ dawk involuti fil-qasam awdjoviżiv. Permezz tal-Media Desk, il-Ministeru jagħti tagħrif dwar l-għajnuna finanzjarja li tista’ tinkiseb mill-Unjoni Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li r-riċerka se tkun il-bażi tal-ħidmiet tal-Ministeru f’dan il-qasam. “Fil-ġranet li għaddew saret riċerka kwantitattiva u kwalittattiva li għandha tgħinna nevalwaw aħjar ir-rispons tal-pubbliku għal qasam tax-xandir. Sar stħarriġ ibbażat fuq ftit aktar minn elf persuna. Saru wkoll diversi focus groups li jgħinuna nifhmu aħjar kif il-Maltin iħarsu lejn il-produzzjonijiet lokali u lejn il-kunċett ta’ kwalità,” tenna l-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li x-xandir kien settur dinamiku u għalhekk ridna nżommu proċess ta’ konsultazzjoni kontinwa ma’ dawk kollha interessati biex lill-poplu nagħtuh l-aħjar. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow