L-OGĦLA VALUR TA’ INVESTIMENT BARRANI F’MALTA
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti (Balance of Payments: 7/2006) juru li fl-aħħar ta’ l-2004 Malta kellha l-ogħla livell ta’ investiment barrani b’żdieda ta’ 16% jew Lm175 miljun fuq is-sena ta’ qabel. Dan meta jitqies li din iż-żieda akkumulat fuq iż-żieda ta’ 14% (jew Lm136 miljun) fuq il-valur ta’ l-investiment barrani f’Malta bejn l-2003 u l-2002.
Dawn iċ-ċifri juru li m’hux biss il-livell ta’ investiment barrani issa laħaq ammonti rekord, iżda wkoll li l-pass tat-tkabbir ta’ l-investiment qabad ritmu t’aċċelerazzjoni.
Is-sena 2004 kienet is-sena tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u ħafna kumpaniji kbar diġà stabbiliti f’Malta – kif kien imbassar qabel ir-Referendum ta’ l-2003 – irċevew l-awtorizzazzjoni mill-uffiċji ċentrali tagħhom biex jespandu l-attivitajiet tagħhom f’Malta. Dan wassal għal investiment sostanzjali minn Actavis, De La Rue u Stainless Steel, fost ażjendi oħra.
Din it-tendenza hi kkonfermata mill-fatt li l-2002 – is-sena ta’ l-akbar inċertezza dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qabel ir-Referendum – kienet l-unika sena mill-1998 ‘l hawn li fiha, Malta rat tnaqqis fil-valur totali ta’ l-investiment. Dak li ntilef bejn l-2001 u l-2002 issa m’hux talli ġie rkuprat kollu, imma talli nqabeż ukoll.
Matul l-2004, Malta Enterprise bdiet tiffoka l-isforzi tagħha fuq setturi strateġiċi bħal m’huma s-setturi tal-farmaċewtika u t-teknoloġiji. Fil-farmaċewtika biss, Malta rat investiment minn kumpaniji kbar bħal Medichem, Combino Pharma u Siegfried, li lkoll bdew operat ġdid f’Malta.
Fl-2004 wkoll, Malta bidlet l-istrateġiji qodma ta’ l-MDC, il-METCO u l-IPSE u minflok iffukat fuq strateġija mmirata li tkabbar l-investiment dirett barrani billi:
1. identifikat setturi strateġiċi u tathom definizzjoni ċara; 2. għamlet riċerka dettaljata f’dawn is-swieq; 3. iddeċidiet liema kumpaniji huma kandidati ideali għal investiment lejn Malta skond kriterji ta’ valur miżjud, l-istruttura ta’ l-ispejjeż, u l-istrateġija ġeografika tagħhom; 4. ħabbtet direttament il-bibien ta’ dawn il-kumpaniji; 5. dawk li wrew irwieħhom interessati, ġew mistiedna Malta; 6. l-investituri potenzjali ħejjew pjan kummerċjali; 7. f’ħin qasir u mingħajr dewmien żejjed, Malta Enterprise tat tweġiba konkreta lill-investituri; 8. meta l-investituri ddeċidew li jiċċaqalqu lejn Malta ngħataw Relationship Manager magħhom biex ikun assigurat li qed jinqdew il-bżonnijiet tagħhom.
Din l-istrateġija ffukata ħadet post il-metodi konvenzjonali ta’ fieri u konferenza li fil-kuntest kummerċjali dinji tal-lum ma baqgħux metodi adegwati.
Fattur ieħor li ta mbuttatura lill-pożizzjoni ta’ Malta biex tattira l-investiment barrani kien iċ-ċaqlieq fis-suq Libjan, fejn kumpaniji minn barra l-Unjoni Ewropea ddeċidew li jistabbilixxu bażi f’Malta minfejn joperaw fis-setturi taż-żejt u l-gass fil-Libja.
Il-Ministru Austin Gatt feraħ lil Malta Enterprise għar-riżultati konkreti li rreġistrat fl-ewwel sentejn ta’ l-eżistenza tagħha. “Hu ċar li l-ħolqien tal-Malta Enterprise ma kienx sempliċiment bidla fl-isem jew fil-logo ta’ l-istess korp, iżda bidu ġdid għall-istrateġija u l-metodoloġija li tuża Malta biex tattira l-investiment.” Il-Ministru Gatt irrimarka wkoll “li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea qed tagħti r-riżultati li kienu mbassra” u tpoġġi lil Malta f’kuntest kompetittiv fl-attività ekonomika dinjija.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950