Sħubija fil-prattika fil-ħarsien tal-wirt storiku
Żmien id-deheb tal-bennejja tat-tempji ntlaħaq fit-tempji ta’ Ħal Tarxien. Ix-xogħol arkitettoniku u ta’ dekorazzjoni f’dawn it-tempji juri l-livell ta’ perfezzjoni li kien intlaħaq mill-antenati tagħna.
It-tempji tal-qedem jikkonsistu f’unitajiet magħmula minn numru – bejn tlieta u ħamsa – madwar numru ta’ kmamar f’forma tonda jew forma ta’ D, li jduru madwar bitħa ċentrali. Passaġġ ta’ ċangatura tal-ġebel, ġebel wieqfa tnejn ħdejn xulxin bi blata fuqhom, tul l-assi tal-bini, jgħaqqad il-btieħi maċ-ċentru tal-faċċata. Il-blokki l-kbar, sa 20 tunnellata, jinstabu fuq il-ħitan ta’ barra. Ġewwa l-kmamar hemm artali ta’ forom differenti, kmamar u blokki b’dekorazzjonijiet elaborati. Dan hu l-pjan bażiku iżda kull tempju, l-aktar l-akbar fosthom, fihom tnejn jew aktar minn dawn il-unitajiet li jingħaqdu b’modi differenti. Fil-każ ta’ Ħal Tarxien dan fih erba’ unitajiet li jkopru area kbira minħabba li kull unita’ kienet sa 30 metru twila.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech kien preżenti waqt preżentazzjoni li saret mill-Professur Alex Torpiano dwar il-Proġett tal-BOV dwar it-tempji ta’ Ħal Tarxien. ‘Heritage Malta’ bl-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta qed twettaq proġett li jinkludi il-bini ta’ ċentru għall-viżitaturi fuq biċċa art li d-Dipartiment ta’ l-Artijiet alloka lil Heritage Malta fi Triq Santa Monika, Tarxien, fit-tramuntana tat-tempji. Matul s-sena li għaddiet il-BOV Tarxien Temples Project Team iltaqa’ b’mod regolari u ħejja rapport dwar il-progress ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li t-tempji ta’ Ħal Tarxien huma fost l-aktar frekwentati. Hu qal li filwaqt li f’2003/04 żaru dawn it-tempji 98,773 fl-2004/05 żaruhom 102,264 – jew 3.5 fil-mija iżjed. Hu qal li filwaqt li pajjiżna hu miksi bl-istorja s’issa ma konniex qed ninterpretawha tajjeb. Hu qal li l-ewwel sforzi saru fl-Ipoġew u fid-Domus Romana. Dawn illum għandhom sistemi eċċellenti ta’ interpretazzjoni u aċċessibilita’. Francis Zammit Dimech qal li dak li wettaqna f’dawn il-postijiet irridu nwettquh ukoll f’siti oħra arkeoloġiċi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bis-saħħa ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea kien se jitwettaq proġett importanti biex inħarsu u biex ikunu magħrufa aħjar it-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Hu qal li bis-saħħa ta’ l-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta kien se jitwettaq proġett ieħor simili fit-tempji ta’ Ħal Tarxien li kienu dikjarati mill-UNESCO bħal sit ta’ wirt dinji. Dan minħabba li sew il-bini, l-iskultura u t-teknoloġija li ntużat bil-bini turi stadju importanti fl-istorja ta’ l-umanita’.
“Il-proġett tat-tempji ta’ Ħal Tarxien hu eżempju mill-isbaħ ta’ kif il-privat jaħdem mal-Gvern biex inħarsu il-wirt preistoriku ta’ pajjiżna u biex nagħmluih aktar viżibbli ma’ kulħadd. Hu qal li f’dan il-każ il-Bank of Valletta, li hu minn ta’ quddiem fl-għajnuna li jagħti għall-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, issieħeb ma’ Heritage Malta fi proġett hekk importanti,” qal il-Ministru Zammit Dimech li rringrazzja sew lill-BOV kif ukoll lill-Heritage Malta għall-interess kbir li qed juru f’dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950