Diskors mill-Onor. Dr Carmelo Mifsud Bonnici, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern waqt il-preżentazzjoni tal-‘warrants’ ta’ Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament lil 50 Prokuratur Legali
L-ewwelnett, irrid nieħu l-opportunità sabiex nirringrazzja lill-Kamra tal-Prokuraturi Legali fil-ħidma li hija kontinwament twettaq ġewwa l-Qrati tagħna. Ix-xogħol tal-Prokuratur Legali ħafna drabi m’huwiex ikkunsidrat biżżejjed u stmat kif jixraq. Is-sehem tiegħu huwa determinanti sabiex il-kawżi jsiru iktar malajr fid-diversi stadji li fihom il-proċess legali jsib lilu nnifsu.
Tul iż-żmien li ilni f’din il-kariga, ma għandi ebda diffikultà li nirreġistra pubblikament, li l-Kamra kienet f’diversi mumenti strumentali sabiex tgħaddi suġġerimenti u proposti li permezz tagħhom il-ħajja ġewwa l-Qorti, speċjalment għall-pubbliku tagħna, issir eħfef u aħjar. Il-laqgħat li saru magħkom kienu ta’ għajnuna meta ġejna sabiex infasslu d-dokument bażiku tagħna “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef”, l-emendi fl-avviż legali dwar it-tariffi tal-Qorti u issa reċentement fl-Att XXII ta’ l-2005. Kif intom indunajtu, il-linji meħuda minn dan il-Ministeru jikkonċentraw fi tliet direzzjonijiet:
L-ewwel, tnaqqis tal-formaliżmu żejjed u għalhekk is-simplifikazzjoni tal-proċeduri; it-tieni, l-ħolqien ta’ sezzjonijiet speċjalizzati fil-Qrati; u t-tielet, il-ħolqien u l-issudar ta’ l-“Alternative Dispute Resolution” u dan sija fiċ-Ċentru tal-Medjazzjoni kif ukoll dak taċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ. F’din il-linja din is-sena bdejna bit-tqegħid fis-seħħ ta’ l-Att XXII ta’ l-2005 li permezz tiegħu, l-ewwel tneħħiet il-proċedura taċ-ċitazzjoni u daħlet dik tar-rikors ġuramentat u t-tieni, daħħalna d-dritt liċ-ċittadini tagħna li flok jersqu l-Qorti sabiex jibdew proċeduri legali billi jieħdu l-ġurament fir-Reġistru tal-Qorti, dawn issa jistgħu jagħmlu dan fl-uffiċċji legali fil-preżenza ta’ Prokuratur Legal jew ġewwa djarhom jew fil-post tax-xogħol. Is-suġġerimenti tagħkom li dan il-pass isir sab eku fis-soċjetà ċivili u llum qed nissiġillaw il-bidu ta’ dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni għax qed tingħataw il-warrant li tagħtu Ġurament.
Ir-realtà hija li ħafna drabi l-proċeduri li nħolqu snin ilu, għal raġunijiet varji sabiex jieħdu ħsieb jiġġarantixxu s-sistema fis-soċjetà tal-lum, qed iservu ta’ xkiel, komplikazzjonijiet u burokrazija żejda.
Dan il-Ministeru huwa tal-fehma li hemm bżonn li nkomplu fil-linja ta’ dawn ir-riformi. Dawk il-miżuri li ġew imħabbra fil-“White Paper” tagħna “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” nittamaw li jidħlu fis-seħħ tul din is-sena. Għax hemm bżonn li nattakkaw iktar u nibdlu l-linja li ttieħdet f’dawn l-aħħar snin. Flok proċeduri komplikati u mimlija dokumentazzjoni, ħafna drabi żejda u li kull ma tagħmel ittaqqal inutilment il-proċess, hemm bżonn li mmoru lejn proċeduri qosra fejn l-aspett orali jirbaħ fuq dak skritt. Dan għandu jgħodd mill-bidu sa l-aħħar tal-każ.
Illum għandna żewġ miżuri magħmula biex iħaffu l-proċess li minflok, fil-ħidma ta’ kuljum, qegħdin iservu sabiex itawwlu l-proċess. Dawn huma d-differimenti tal-kawża u l-affidavits tax-xhieda. Id-differimenti żejda u fit-tul huma proprju konsegwenza tal-kultura li kollox irid jinkiteb, fejn il-kawża timmatura fis-snin. Dawn qed iservu sabiex il-każ jitwal għax flok id-direzzjoni hija sabiex tiqsar, hemm dejjem il-mekkaniżmu li niddifferixxu.
L-istess għall-proċedura tal-produzzjoni tax-xhieda bl-affidavit. Miżura li kienet intenzjonata sabiex tħaffef il-proċess saret hija stess lok ta’ dewmien inutili. Ma hemmx biżżejjed kontroll fuq il-kontenut tiegħu. Ħafna drabi, anzi kważi dejjem, dak li jista’ jingħad f’sentenza ssibu paragrafu u dak li jidħol f’paġna issibu f’teżi.
Forsi wasal iż-żmien li dawn iż-żewġ problemi jiġu kkonsidrati, diskussi, dibattuti u kontrollati verament. Ma nistgħux nibqgħu nsibu artikoli fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura tagħna bħall-artikolu 212 li jiġu njorati jum wara jum. Infakkar li dan jistabilixxi b’mod mill-iktar ċar li r-regola hija li kawża tiġi deċiża fil-jum tas-smiegħ u ma tiġix differita jekk mhux għal raġunijiet verament validi, u kważi, eċċezzjonali. L-esperjenza u l-kultura hija proprju l-kontra. Mhux dan biss, iżda meta wieħed jikkonsidra li fl-affidavits il-prinċipju fix-xhieda huwa dejjem li wieħed ikun fil-qosor, ċar u dirett għall-punt inkwistjoni u mhux volumi ta’ diskors fix-xejn, minflok wieħed isib il-kontra. Allura għandna nifhmu kemm hemm bżonn ta’ iktar ħidma.
Jekk il-Kodiċi għandu jinbidel, kif issa sejjer jiġi bl-Abbozz ta’ liġi li għandu jiġi, sabiex id-differimenti jiġu kontrollati, l-affidavits ridotti u l-kontenut tas-sentenzi mqassar, ejja nimxu f’dik id-direzzjoni li tagħti iktar fiduċja fil-Qrati tagħna. Preżentement, tul din is-sena naħseb li wasal il-mument li nagħmlu emendi oħra.
Kif għidna fil-bidu ta’ din il-leġislatura, il-Gvern huwa deċiż sabiex jagħmel l-almu sħiħ tiegħu sabiex dak li hemm bżonn jinbidel, jinbidel u nibdlu biċċa oħra mill-kultura legali tagħna sabiex il-proċessi fil-Qorti jiġu deċiżi ferm iktar malajr milli huma llum. Ċert li bil-koperazzjoni ta’ kull min huwa involut fis-settur, nerġgħu nimxu biċċa oħra ’l quddiem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950