Left arrow Mur Lura

L-għeruq tagħna fl-istorja ta’ pajjiżna

pr0067
Date Icon 20/01/2006

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, akkompanjat minn Romwald Lungaro Mifsud, Chairman Eżekuttiv tal-MTA, żar Palazzo Abela fejn ġie mdawwar mal-bini u ra x-xogħol ta’ restawr li qed isir fiħ.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif ġie restawrat Palazzo Abela li għandu storja ta’ 440 sena. Hu qal li mill-Indipendenza ’l hawn il-Maltin bdew jifhmu aktar li wirt artna jagħżilna minn kull nazzjon ieħor u għamilna sovrani f’pajjiżna. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar snin il-poplu sar aktar konxju minn dak kollu li hu Malti. “Il-Gvern wera t-triq meta beda proċess vast ta’ restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku. Bdejna bil-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta li wettaq xogħlijiet ta’ restawr fil-Palazz Presidenzjali, fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, f’palazzi u knejjes.  

Komplejna bil-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Imdina. Ma’ dawn żdied il-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Twaqqfet Heritage Malta, li nkorporat fiha ċ-Ċentru għar-Restawr f’Bighi. Illum għandna l-infrastruttura biex inħarsu, nirrestawraw u nirriabiltaw bini storiku,” qal il-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura żied li s-settur privat ma baqax lura milli jwettaq proġetti ta’ restawr fuq ħafna mill-bini storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li bħala parti mill-kundizzjonijiet biex jitwettqu proġetti urbani kapitali l-Gvern kien qed jorbot lill-promoturi ta’ dawn il-proġetti li jirrestawraw bini storiku fuq is-siti li jkunu qed jiżviluppaw. 

 Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proċess kien qed isib l-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li pajjiżna kien qed jutilizza għall-ħarsien u restawr ta’ bini storiku. Hu qal li Malta kienet mużew ħaj ta’ l-istorja li l-poplu kien qed japprezza dejjem aktar u li kienet ukoll kalamita biex nattiraw lejn pajjiżna viżitaturi li kienu jivvjaġġaw għall-istorja u l-arti. 

Il-qawmien li għaddej fil-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna wassal biex flimkien  mal-Gvern, is-settur privat  qiegħed jinvesti bil-qawwi fi proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni.  

Palazzo Abela, f’Ħal Tarxien hu eżempju ta’ dan il-qawmien. Bħalissa jinsab għaddej minn proġett ta’ restawr li mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena.  Palazzo Abela beda jinbena fl-1562, tliet snin qabel l-Assedju l-Kbir ta’ Malta, minn Monsinjur Leonardo Abela bħala residenza tas-sajf. Dan ittieħed mit-Torok tul l-Assedju ta’ l-1565. Meta Monsinjur Abela nħatar Isqof ta’ Sidonia fl-Asja Minuri minn Papa Gregorju XIII baqa’ juża dan il-palazz fi triqtu bejn Ruma u Sidonia. 

Tul l-istorja tiegħu Palazzo Abela ntuża mill-Forzi Armati Ingliżi fil-bidu ta’ l-1900 bħala post ta’ mistrieħ u rikreazzjoni. Wara l-aħħar gwerra dinjija kien użat bħala skola primarja. Fis-snin  sebgħin, inkera bħala health farm resort. Fl-1995 is-sidien preżenti xtraw Palazzo Abela mingħand 23 sid, li flimkien kienu werrieta. Is-sidien il-ġodda xtraw dan il-palazz bil-ħsieb li jirrestawrawh, jiżviluppaw kumpless sportiv taħt l-art u skola biswit il-palazz. Hekk dan il-bini storiku qed jinbidel f’ċentru integrat edukattiv, kulturali, sportiv u ta’ divertiment. 

F’Ottubru 2001 beda xogħol ta’ l-iskavar ta’ 17,500 metru kubu ta’ blat b’fond ta’ 14-il metru, bil-proġett jitwettaq f’fażijiet bl-ewwel parti tkun il-bini ta’ kumpless sportiv b’ġiebja kbira taħtu għall-ħażna ta’l-ilma tax-xita. L-ewwel fażi tar-restawr u riabilitazzjoni tal-palazz bdiet f’Ottubru 2001 bit-tneħħija ta’ wires, kanen u kisi bis-siment. F’din il-fażi nstabu niċeċ, ventilaturi ta’ l-arja, taraġ li kien jagħti għal kantina filwaqt li saru tiswijiet f’sistema ta’ l-ilma tax-xita u tindif ta’ bjar.  

It-tieni fażi bdiet f’Mejju 2004 bl-istalazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ l-elettriku, tneħħija ta’ madum li nbidel b’ċangatura tal-franka, tneħħija ta’ għeruq ħoxnin li kienu qed jagħmlu ħsara lill-bini, restawr ta’ xogħol tal-ġebla, tindif ta’ ħitan biex inġiebu fuq il-ġebla, sistemi ġodda ta’ l-elettriku u ilma b’tali mod li ma ssirx ħsara lill-ġebel l-antik. Tneħħa wkoll pavimentar taċ-ċeramika li kien jistona mal-bini. Sa nofs is-sena l-oħra żewġ estensjonijiet mit-tlieta tal-palazz kienu lesti biex jintużaw. Immedjatament beda xogħol fuq l-aħħar parti tar-restawr li għandu jitlesta sa’ Marzu ta’ din is-sena. Il-bini tal-kumpless sportiv u ta’ l-iskola beda’ f’Jannar u mistenni jitlesta f’April bl-iskola tiftaħ f’Settembru.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow