L-għeruq tagħna fl-istorja ta’ pajjiżna
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, akkompanjat minn Romwald Lungaro Mifsud, Chairman Eżekuttiv tal-MTA, żar Palazzo Abela fejn ġie mdawwar mal-bini u ra x-xogħol ta’ restawr li qed isir fiħ.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif ġie restawrat Palazzo Abela li għandu storja ta’ 440 sena. Hu qal li mill-Indipendenza ’l hawn il-Maltin bdew jifhmu aktar li wirt artna jagħżilna minn kull nazzjon ieħor u għamilna sovrani f’pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar snin il-poplu sar aktar konxju minn dak kollu li hu Malti. “Il-Gvern wera t-triq meta beda proċess vast ta’ restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku. Bdejna bil-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta li wettaq xogħlijiet ta’ restawr fil-Palazz Presidenzjali, fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, f’palazzi u knejjes.
Komplejna bil-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Imdina. Ma’ dawn żdied il-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Twaqqfet Heritage Malta, li nkorporat fiha ċ-Ċentru għar-Restawr f’Bighi. Illum għandna l-infrastruttura biex inħarsu, nirrestawraw u nirriabiltaw bini storiku,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura żied li s-settur privat ma baqax lura milli jwettaq proġetti ta’ restawr fuq ħafna mill-bini storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li bħala parti mill-kundizzjonijiet biex jitwettqu proġetti urbani kapitali l-Gvern kien qed jorbot lill-promoturi ta’ dawn il-proġetti li jirrestawraw bini storiku fuq is-siti li jkunu qed jiżviluppaw.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proċess kien qed isib l-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li pajjiżna kien qed jutilizza għall-ħarsien u restawr ta’ bini storiku. Hu qal li Malta kienet mużew ħaj ta’ l-istorja li l-poplu kien qed japprezza dejjem aktar u li kienet ukoll kalamita biex nattiraw lejn pajjiżna viżitaturi li kienu jivvjaġġaw għall-istorja u l-arti.
Il-qawmien li għaddej fil-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna wassal biex flimkien mal-Gvern, is-settur privat qiegħed jinvesti bil-qawwi fi proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni.
Palazzo Abela, f’Ħal Tarxien hu eżempju ta’ dan il-qawmien. Bħalissa jinsab għaddej minn proġett ta’ restawr li mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena. Palazzo Abela beda jinbena fl-1562, tliet snin qabel l-Assedju l-Kbir ta’ Malta, minn Monsinjur Leonardo Abela bħala residenza tas-sajf. Dan ittieħed mit-Torok tul l-Assedju ta’ l-1565. Meta Monsinjur Abela nħatar Isqof ta’ Sidonia fl-Asja Minuri minn Papa Gregorju XIII baqa’ juża dan il-palazz fi triqtu bejn Ruma u Sidonia.
Tul l-istorja tiegħu Palazzo Abela ntuża mill-Forzi Armati Ingliżi fil-bidu ta’ l-1900 bħala post ta’ mistrieħ u rikreazzjoni. Wara l-aħħar gwerra dinjija kien użat bħala skola primarja. Fis-snin sebgħin, inkera bħala health farm resort. Fl-1995 is-sidien preżenti xtraw Palazzo Abela mingħand 23 sid, li flimkien kienu werrieta. Is-sidien il-ġodda xtraw dan il-palazz bil-ħsieb li jirrestawrawh, jiżviluppaw kumpless sportiv taħt l-art u skola biswit il-palazz. Hekk dan il-bini storiku qed jinbidel f’ċentru integrat edukattiv, kulturali, sportiv u ta’ divertiment.
F’Ottubru 2001 beda xogħol ta’ l-iskavar ta’ 17,500 metru kubu ta’ blat b’fond ta’ 14-il metru, bil-proġett jitwettaq f’fażijiet bl-ewwel parti tkun il-bini ta’ kumpless sportiv b’ġiebja kbira taħtu għall-ħażna ta’l-ilma tax-xita. L-ewwel fażi tar-restawr u riabilitazzjoni tal-palazz bdiet f’Ottubru 2001 bit-tneħħija ta’ wires, kanen u kisi bis-siment. F’din il-fażi nstabu niċeċ, ventilaturi ta’ l-arja, taraġ li kien jagħti għal kantina filwaqt li saru tiswijiet f’sistema ta’ l-ilma tax-xita u tindif ta’ bjar.
It-tieni fażi bdiet f’Mejju 2004 bl-istalazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ l-elettriku, tneħħija ta’ madum li nbidel b’ċangatura tal-franka, tneħħija ta’ għeruq ħoxnin li kienu qed jagħmlu ħsara lill-bini, restawr ta’ xogħol tal-ġebla, tindif ta’ ħitan biex inġiebu fuq il-ġebla, sistemi ġodda ta’ l-elettriku u ilma b’tali mod li ma ssirx ħsara lill-ġebel l-antik. Tneħħa wkoll pavimentar taċ-ċeramika li kien jistona mal-bini. Sa nofs is-sena l-oħra żewġ estensjonijiet mit-tlieta tal-palazz kienu lesti biex jintużaw. Immedjatament beda xogħol fuq l-aħħar parti tar-restawr li għandu jitlesta sa’ Marzu ta’ din is-sena. Il-bini tal-kumpless sportiv u ta’ l-iskola beda’ f’Jannar u mistenni jitlesta f’April bl-iskola tiftaħ f’Settembru.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950