L-Iskejjel f’Ħal-Kirkop
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop dalgħodu għogbu jsejjaħ konferenza ta’ l-aħbarijiet biex jilmenta dwar dawk li huwa sejjaħ bħala nuqqasijiet fl-iskola primarja ta’ din il-lokalità. Tajjeb wieħed jgħid li din l-iskola hi waħda tajba ħafna u li tagħti riżultati tajbin.
Il-fatti huma li l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol ilu jwettaq xogħol siewi ta’ bini u manutenzjoni f’din l-iskola. Mill-1998 sal-lum, f’din l-iskola, d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u wara l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) wettqu xogħol kontinwu ta’ manutenzjoni u tisbiħ.
Sar xogħol ta’ tisbiħ tal-faċċata u tal-bitħa, bdil ta’ l-għamara kollha fil-klassiijiet, xogħol ta’ aluminju madwar il-bitħa, tisbiħ tas-sala ta’ l-iskola, kif ukoll investiment f’għamara għal ta’ l-apposta fil-klassijiet tal-kindergarten.
Il-Kunsill Lokali ilmenta minn dewmien fit-twettiq tal-proġett ta’ bini ta’ ground biswit il-bitħa ta’ l-iskola. Ta’ min jgħid li dan il-ground huwa żieda ma’ l-iskola u qabel ma kienx jintuża, tant li l-kanċell ta’ bejn l-iskola u l-ground kien jinżamm dejjem magħluq. Ix-xogħol f’dan il-ground bl-ebda mod ma jfixkel lit-tfal fil-ħin tar-rikreazzjoni.
Id-dewmien fit-twettiq ta’ dan il-proġett huwa dovut biss għal prijoritajiet oħra li kellha l-FTS, inkluż il-bini ta’ Kulleġġ ġdid b’investiment ta’ 3 miljun lira f’Ħal Kirkop stess.
Wieħed irid igħid li s’issa, fl-iskola primarja ta’ Ħal-Kirkop, l-Fondazzjoni diġá nefqet Lm19,000 f’xogħol ta’ skavar fil-ground u biex jitbaxxa l-livell ta’ l-art, ħalli tkun aktar aċċessibli; Lm 20,000 f’bini ta’ ġwiebi taħt l-art tal-ground, kif ukoll f’bini ta’ dressing rooms.
S’issa ntefqu Lm 4,000 f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u asfaltar tal-ground. Il-ġimgħa d-dieħla se tiġi ppubblikata s-sejħa għall-offerti biex issir l-aħħar fażi ta’ xogħol f’dan il-ground. Dan minbarra x-xogħol li kien diġa sar fuq il-klassijiet u l-bini ta’ l-iskola, l-għamara, l-aluminju u t-tisbiħ ġenerali ta’ l-iskola.
Tajjeb wieħed isemmi wkoll xogħol li sar mill-Gvern biex tnaddfu katakombi u li tħallas ukoll mill-FTS.
Il-proġett ta’ l-iskola l-ġdida f’Ħal Kirkop fisser li l-lokalita’ issa għadha skola li toffri faċilitajiet mill-aqwa partikolarment faċilitajiet sportivi li jinkludu ground tal-futbol b’turf artifiċjali u korsa ta’ l-atletika. Il-Koppin se jkollhom wisq aktar faċilitajiet hekk kif titlesta t-tieni fażi ta’ żvilupp f’dan il-Kulleġġ, li tinkludi Kumpless Sportiv reġjonali u bini li fih se jkun hemm sala għall-komunità u librerija mill-aqwa.
Wieħed kien jistenna li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ma jkunx partiġġjan u ta’ l-anqas jirrikonoxxi u japprezza l-investiment qawwi li l-Gvern permezz ta’ l-FTS wettqu fil-qasam edukattiv f’din il-lokalitá. Minflok, intilef jikkritika lill-Gvern għax ma tax prijoritá lil proġett li għalkemm importanti, ma jisboqx fil-prijoritá lill-proġetti oħra marbutin direttament mat-tagħlim, bħal m’huwa l-bini ta’ skejjel, xogħol ta’ manutenzjoni, stallazzjoni ta’ lifts u l-bqija.
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni huwa kommess li jibqa’ miexi bix-xogħlijiet ippjanati, fosthom il-bini ta’ skejjel ġodda f’Tal-Ħandaq, il-Verdala, l-Mosta u Pembroke u l-bini ta’ faċilitajiet sportivi bħal m’huwa l-kumpless sportiv biswit il-Kulleġġ San Benedittu, li meta jitlesta, se jkunu jistgħu igawduh ukoll it-tfal u żgħażagħ ta’ Ħal Kirkop.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950