Left arrow Mur Lura

Sejħa għal sidien ta’ negozji fil-qasam ta’ l-informatika biex jipparteċipaw fil-programm EPRI-Start

pr0063
Date Icon 19/01/2006

“L-objettiv tagħna huwa li bħala Segretarjat naħdmu biex is-settur kummerċjali jkun jista’ jieħu kemm jista’ mill-benefiċċji ta’ l-Unjoni Ewropea.  Dan qegħdin nagħmluh billi nkunu punt ta’ kuntatt għal dawk il-persuni fin-negozju li jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, kif ukoll qegħdin naħdmu biex nagħqdu dawk il-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni dwar programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.”  Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar l-EPRI-Start.  Dan huwa program ta’ l-Unjoni Ewropea li l-għan tiegħu huwa li jħeġġeġ l-intrapriżi ż-żgħar biex jagħmlu aktar użu minn tekniċi ta’ l-informatika u biex jagħti aktar informazzjoni dwar fondi li jistgħu jingħataw għal dan is-settur. 

Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed qiegħed jaħdem f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Temi Zammit biex negozji żgħar ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dan il-programm.  L-Onor. Edwin Vassallo qal li “l-għan tagħna huwa li madwar 300 imprenditur ikun jista’ jipparteċipa fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, għaldaqstant qegħdin naħdmu biex insibu negozji żgħar li jkunu jixtiequ jipparteċipaw, u fl-istess ħin insibu l-aktar programmi adattati għalihom.  Negozjanti Maltin jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea b’żewġ modi, jew billi jieħdu fondi u jsiefru biex jagħmlu kuntatti ma’ sidien ta’ negozji oħra u dan biex ikabbru n-negozju tagħhom, jew inkella billi l-programm partikolari jipprovdi konsulent tekniku li jiġi Malta biex jgħin settur partikolari. 

“Din tal-lum hija l-ewwel sejħa pubblika għal min huwa nteressat li jipparteċipa, u jkun wieħed mit-300 sid ta’ negozju li jipparteċipaw f’dawn il-programmi.  Illum ukoll qegħdin nagħmlu sejħa pubblika ghal min hu interessat li jipparteċipa fil-progett EPRI-Start.  Issa nħeġġeġ lil dawk in-negozji kollha li jaħsbu li jkunu jistgħu jieħdu sehem f’dan il-proġett, kif ukoll proġetti oħra, biex jikkuntattjawna biex inkunu nistgħu niffaċilitawlhom ix-xogħol u l-proċedura ta’ applikazzjoni għal dan il-proġett u oħrajn.” 

Rappreżentant tal-Fondazzjoni Temi Zammit spjega d-dettalji ta’ dan il-proġett, li huwa mmirat lejn l-intrapriżi ż-żgħar (SMEs) attivi fil-qasam ta’ l-informatika (ICT) li huma mħajjra jinvolvu ruħhom f’xi forma ta’ riċerka.  Huwa qal li “l-proġett għandu l-għan li jgħin 300 SME mill-għaxar pajjiżi membri ġodda ta’ l-UE jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni, partikolarment dak ta’ l-InformationSociety Technologies, FP6 (IST).  EPRI-start huwa “Specific Support Action” immexxi minn koordinatur mill-Ġermanja, TSA, li tfassal apposta għall-bżonnijiet ta’ SMEs mill-pajjiżi membri ġodda.  Malta hija rappreżentata fil-proġett mill-Fondazzjoni Temi Zammit (FTZ), li twaqqfet sentejn ilu minn għadd ta’ entitajiet ġejjin mis-settur pubbliku u privat biex tibda toffri lokalment opportunitajiet ta’ tagħlim permezz ta’ e-learning, u tgħin organizazzonijiet Maltin jieħdu sehem fi programmi ta’ l-UE.    

“Il-proġett EPRI-start huwa l-ewwel eżempju tal-ħidma bejn is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita` u l-Komunikazzjoni mal-Fondazzjoni Temi Żammit ħalli dawn jaħdmu flimkien sabiex jgħinu kumpaniji u individwi Maltin jibbenefikaw mill-opportunitajiet li toffri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Permezz ta’ din il-ħidma, għoxrin kumpanija Maltija se jiġu mgħejjuna biex iħejju ruħhom għall-parteċipazzjoni fi proġetti Ewropej, mingħajr ma jintalbu ħlas għall-għajnuna li tingħata. 

Il-koordinatur tal-proġett, TSA, diġa` għandu esperjenza f’dan il-qasam, billi kien fassal proġett simili meta l-parti tal-lvant tal-Ġermanja ingħaqdet mal-parti tal-punent u daħlet fl-UE.  Għan ieħor importanti ta’ l-EPRI-start huwa immirat lejn politiċi u amministraturi, kemm lokali kif ukoll Ewropej, biex dawn jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ negozji żgħar fi programmi Ewropej billi jfasslu miżuri li jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw in-negozji ż-żgħar.   

Kumpaniji ta’ l-informatika Maltin li huma nteressati li jieħdu sehem fi proġetti Ewropej taħt il-programmi tar-riċerka għandhom jiktbu lill-Fondazzjoni Temi Zammit (jesmond.xuereb@ftz.org.mt ) jew lis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar (keith.psaila@gov.mt).  Biex kumpanija tibbenefika mis-servizz offrut permezz tal-progett EPRI-start, hija għandha qabel xejn tirreġistra fuq id-database tal-proġett.  Iktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-website www.epristart.org . 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “bħala Segretarjat qegħdin napplikaw biex nippruvaw nieħdu wkoll fondi strutturali, biex b’hekk inkunu nistgħu ngħinu aħna direttament lil negozji żgħar.  Fl-għan tagħna li kemm jista’ jkun negozji żgħar jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin naħdmu ma’ numru ta’ kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza.  Illum qegħdin hawn mal-Fondazzjoni Temi Zammit, u ‘l quddiem ser ikollna l-opportunita` li noffru aktar proġetti bħal dawn.  Intant, min jixtieq li jkun jaf aktar dwar dan il-proġett, jew jixtieq ikun jaf jekk is-settur tiegħu huwiex eleġibbli għal xi forma ta’ għajnuna, jista’ jikkuntattja lis-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għal aktar informazzjoni.  Din is-sejħa hija għal dawk in-negozji li jaħdmu fis-settur tal-kompjuters u l-informatika, li diġa qegħdin jagħmlu xi forma ta’ riċerka, bħalma huma software developers, programmers, jew nies li jagħmlu web-pages, per eżempju.” 

L-Onor. Vassallo temm billi qal li “n-negozji żgħar tagħna hemm bżonn li jibdew jaraw kif ikabbru n-negozju tagħhom kemm lokalment, kif ukoll barra minn Malta.  Programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, bħalma huwa l-proġett li qegħdin inħabbru llum, huma opportunita` ideali biex ikunu jistgħu itejjbu x-xogħol tagħhom.  Il-Gvern qiegħed ikompli jaħdem biex dejjem isaħħaħ in-negozji ż-żgħar tagħna.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow