Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern dwar l-inċident ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet li ingħatat mill-Kap ta’ l-Opożizzjoni, l-Onor. Dr. Alfred Sant, dwar l-inċident ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena.
L-inkjesta maġisterjali li qed issir dwar l-inċident fil-Belt lejliet l-Ewwel tas-Sena hi ta’ livell ogħla minn inkjesta amministrattiva, iżda hija l-istess tip ta’ inkjesta li ntalbet kemm-il darba mill-Oppożizzjoni, kull meta għamlet xi allegazzjonijiet – bħal fil-każ tal-Inkjesta dwar il-Fondazzjoni Skejjel ta’ Għada.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jikkonferma li l-Pulizija:
| a) | Ipproċessat l-applikazzjoni b’mod regolari, u |
| b) | imponiet il-kondizzjonijiet li jsiru s-soltu. |
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jenfasizza li mhux minnu li l-Pulizija kienet kontra li jsir dan il-party - tant hu hekk, li s-sena li għaddiet ukoll kien inħareg permess simili.
Kif kien ikkonfermat mill-Kummissarju tal-Pulizija, saret petizzjoni minn għadd ta’ residenti ġirien, kontra li jsir dan il-party. Il-Pulizija, kif tagħmel is-soltu, irreferiet il-każ lill-Bord tal-Pariri dwar il-Liċenzji. Fis-smiegħ quddiem il-Bord, irriżulta li l-firem ta’ min kien oġġeżżjona, ma kienux tan-nies li suppost iffirmawhom. Il-Bord ta parir biex id-‘disco’ isir, u dan taħt il-kondizzjonijiet tas-soltu.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern ifakkar li din ma kienitx l-ewwel darba li ingħata permess biex isiru ‘parties’ fil-Mediterranean Conference Centre. Wieħed minnhom kien ġie organizzat lejliet l-Ewwel tas-Sena fl-1998, meta responsabbli għall-Pulizija kien l-istess Onor. Dr. Alfred Sant. Għal dak il-party, lanqas biss kienu ġew ordnati Pulizija.
Il-Gvern apparti l-inkjesta Maġisterjali, waqqaf ukoll Kummissjoni biex teżamina l-liġijiet kollha relatati mal-postijiet tad-divertiment.
Meta l-Gvern kien għadda liġi sabiex il-postijiet tad-divertiment bil-mużika jagħlqu fl-4.00 a.m. (u fis-2.00 a.m. jekk fil-miftuħ), il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, mhux talli ma appoġġjax din il-liġi, iżda kiteb:
“Il-bidla fil-ħinijiet tad-discos u ħwienet tax-xorb tolqot l-aktar lill-istabbilimenti ta’ Paceville. F’din l-istorja l-Gvern mexa b’guffaġni.” (It-Torca -Awissu 1999)
Hu ttamat li dan l-inċident ma jinbidel qatt f’ballun politiku, u din it-traġedja tiġi investigata kif jixraq, kif isir f’inċidenti simili.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950