Left arrow Mur Lura

Emendi fl-Att dwar il-Kummissarji għall-ĠUstizzja dwar petizzjonijiet quddiem Tribunali Lokali

pr0057
Date Icon 18/01/2006

Il-Gvern, permezz ta’ emendi fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja ħabbar li b’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, twaqqfu tlett Bordijiet dwar il-Petizzjonijiet. Kull Bord ser ikun magħmul minn persuna waħda li tinħatar mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja u li tkun tista’ tiddeċiedi dwar petizzjonijiet li jsiru quddiem il-Bord minn kull min jiġi akkużat b’reat, li skond il-liġi jidher quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja. It-tlett Bordijiet ser ikunu magħmula minn Dr Ramon Rossignaud,  Dr Joe Refalo u  Dr Benny Delia. 

Kull petizzjoni għandha tiġi ppreżentata fir-Reġistru tal-Kummissarji mhux iżjed tard minn għaxart’ijiem minn meta jkun allegatament sar ir-reat.  Iżda meta min jagħmel il-petizzjoni ma kienx jaf li ser jibdew il-proċeduri kontra tiegħu, it-terminu jibda jgħodd mill-ġurnata meta hu jkun sar jaf li kienu ser jinbdew il-proċeduri kontrih, jew li nbdew, jew li l-każ kien diġa’ gie deċiz mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, skond liema minn dawn jaħbat l-iktar kmieni. 

Il-Bord, wara li jeżamina l-petizzjoni, jista jordna li jintemmu jew ma jitkomplewx proċedimenti quddiem il-Kummissarji għall-Ġustizzja u jista’ jordna li tinħafer għal kollox, jew parti minnha, xi piena jew multa mogħtija mill-Kummissarju wara l-proċediment ta’ xi kontravenzjoni. 

Il-Bord ser jibda jeżamina petizzjonijiet mill-pubbliku kull meta xi ħadd iħoss li hemm:- 

·     żbalji evidenti fl-identita’ ta’ l-akkużat jew tal-vettura nvoluta f’inċident,

·     żball evidenti li jkun wassal biex xi ħadd akkużat ikun instab ħati skorrettament tar-reat;

·     għal raġunijiet umanitarji li jtaffu ċ-ċirkustanzi li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-għemil jew kull meta l-ħruġ tal-akkuża tkun manifestament inġusta jew oppressiva; u

·     meta l-proċeduri għall-ħruġ tal-kontravenzjoni ma jkunux isegwu dak stipulat fl-Avviżi Legali 350 tas-sena 2004 u 51 tas-sena 2005.   

Dawn l-emendi ser iservu biex kull min iħoss li ma saritx ġustizzja miegħu ma jkollux għalfejn jaħli ħin u jitla’ quddiem it-Tribunal biex jiddefendi akkuża kontrih.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow