INAWGURAT ĠNIEN IL-ĦAJJA, FIL-QASAM RESIDENZJALI TAL-ĦESRI FIS-SIĠĠIEWI
“L-akbar investiment li jista’ jagħmel il-Gvern hu dak li jsir b’riżq il-familji.” Hekk qalet Dolores Cristina, il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali meta inawgurat “Ġnien il-Ħajja” fil-qasam residenzjali Tal-Ħesri fis-Siġġiewi.
Il-ġnien hu proġett ieħor konġunt bejn il-Gvern Ċentrali u dak Lokali u ġie jiswa Lm60,000. Permezz ta’ dan il-proġett kompla jissokta l-impenn tal-Gvern li żoni residenzjali jissebbħu kemm għal skopijiet estetiċi kif ukoll biex jitgawdew mir-residenti tal-lokal.
Ġnien il-Ħajja, kif issemma’ dan il-proġett, hu l-ħdax-il wieħed li ġie inawgurat matul din il-leġiżlatura u dan fisser nefqa ta’ aktar minn tlett kwarti ta’ miljun lira.
Filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li t-tfal isibu postijiet fejn ikollhom żvog ’il bogħod mill-ħajja mgħaġġla u l-istudju akkademiku, il-Ministru Cristina qalet li dan il-ġnien għandu jservi ukoll ta’ rikreazzjoni ukoll għall-adulti.
Il-ġnien kien inawgurat fil-preżenza tas-sindku tas-Siġġiewi, il-Perit Robert Musumeci, li mhux biss faħħar l-investiment innfisu iżda, aktar minn hekk, it-twettiq tal-politika tal-Gvern Ċentrali li jaħdem id f’id mal-Gvern Lokali.
Matul l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien il-Ħajja ħadu sehem kantanti u żeffiena mil-lokal filwaqt li sar ukoll it-tberik tiegħu.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950