JINGĦATA BIDU GĦAL PROĠETT TA’ TISBIĦ FIL-QALBA TA’ ĦAL KIRKOP
Il-ħidma sabiex nsebbħu pajjiżna qeda’ tkompli tinfirex f’bosta lokalitajiet permezz tat-twettiq ta’ diversi proġetti kemm ta’ tisbiħ, kif ukoll ta’ restawr. Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura huwa mpenjat li mhux biss jibni jew jirrijabilita ġonna u postijiet ta’ rikreazzjoni fl-irħula imma anke li jiffoka fuq iċ-ċentri ta’ dawn l-irħula. Fl-aħħar sentejn ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet wettqu xogħol ta’ tisbiħ fil-pjazez tal-Mellieħa u Ħal-Safi. Issa ngħata bidu għal proġetti ġodda li huma ntiżi li jsebbħu l-pjazza u z-zuntier tal-lokal.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta żar xogħlijiet li qed jitwettqu f’Ħal Kirkop fuq iz-zuntier tal-knisja dedikata lil San Leonardu u l-pjazza biswit l-istess knisja. Id-disinn huwa tali li jirrispetta l-elementi urbani tal-pjazza u l-arkitettura distinta tal-Knisja.
Il-wiċċ taz-zuntier eżistenti diġa’ nqala’ u minflok qed jitpoġġa paviment ta’ granit griż. Il-Ministru Zammit spjega li l-għażla ta’ dan il-paviment se twassal sabiex il-Knisja tingħata dehra iktar maestuża. Sabiex jikkumplimenta dan ix-xogħol, se jiġu nstallati dwal artifiċjali, uplighters, li jkunu livell mal-pavimentar. Dan għandu jagħti dehra ferm isbaħ lill-Knisja, hekk kif twettaq fil-każ tal-Knisja ta’ Ħal Safi u dik ta’ Ċwerra fil-pjazza tas-Siġġiewi. Wieħed ikun jista’ japprezza ferm iżjed l-estetika tal-Knisja matul il-lejl permezz ta’ din is-sistema ta’ dawl.
Iz-zuntier jinsab mdawwar minn balavostrar li matul il-medda taż-żmien ġarrab ħsarat konsiderevoli u ddeterjoraw bil-kbir. Dawn se jinbidlu ma’ oħrajn ġodda. Il-pavimentar taz-zuntier jlaħħaq il-150 metru kwadru.
Il-pjazza biswit il-Knisja, msemmija għal San Leonardu, ukoll se tingħata dehra ġdida. Ser jinqala’ l-pavimentar eżistenti, li jinkludi l-bankini, kurduni u l-wiċċ tat-tarmak tat-triq. Minflok se jitpoġġa paviment fiż-żona kollha bi precast paving blocks. Matul il-proċess se jinbidlu is-servizzi eżistenti inkluż dawk ta’ l-ilma. Bħal f’kull proġett ieħor ta’ tisbiħ li jwettaq il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-proġett għandu jkun ikkumplimentat bl-installazzjoni ta’ bankijiet ta’ l-injam, litter bins, fanali dekorattivi, kif ukoll tħawwil ta’ numru ta’ siġar. Dan it-tip ta’ street furniture jinħadem minn ħaddiema tal-Ministeru fi ħdan id-Diviżjoni għas-Servizzi u Manifattura. Hawn se jsir pavimentar ta’ 650 metru kwadru. Għal darb’oħra, bħal fil-każ tal-proġetti ta’ Paceville, Ġnien il-Bennej fiż-Żurrieq, Ġnien Misraħ il-Missjoni iż-Żgħira fl-Imqabba, il-promenade tax-Xemxija u tax-Xgħajra, il-ġnien ta’ Hastings u Dawret il-Gżejjer f’Buġibba, dan il-proġett jaħseb għal aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’.
Il-proġett f’Ħal Kirkop għandu jiswa madwar Lm35,000, liema investiment jinkludi wkoll il-pagi tal-ħaddiema.
Il-Ministru Zammit fakkar ukoll li bħalissa għaddej xogħol ta’ pavimentar fuq diversi proġetti oħra fosthom fil-ġnien ta’ Hastings, il-promenade tax-Xemxija u tul il-medda ta’ l-Akwadotti. Għaddejjin ukoll l-aħħar xogħlijiet fl-Imdina fejn minkejja l-bosta diffikultajiet li ġew iffaċjati bis-sejba ta’ fdalijiet arkeoloġiċi u ċangaturi ta’ kwalita’ inferjuri li ntbagħtet minn barra, issa dan il-proġett qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950