JIBDA PROĠETT TA’ LM1.1 MILJUN GĦAR-RESTAWR TAL-FORTI TIGNÉ
Ir-rivitalizzar ta’ assi storiċi bħal m’huwa l-Forti Tigné jiddistingwi proġett ta’ riġenerazzjoni urbana – distinzjoni li tissarraf ukoll f’vantaġġ kompetittiv biex jinġieb investiment barrani lejn xtutna.
F’diskors waqt żjara fil-Forti Tigné fejn bħalissa għaddej xogħol estensiv ta’ restawr u rinovazzjoni, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-parti l-kbira tal-proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana li saru f’Malta fl-aħħar snin irnexxielhom isibu użu utili għall-binjiet storiċi li jmissu.
“Waqt l-aħħar ħames snin, proġetti bħal dawn bidlu żoni abbandunati f’ċentri ta’ attività li mhux biss isaħħu l-ekonomija, iżda anke jdaħħlu ħajja ġdida fl-inħawi madwarhom. Rajna dan iseħħ bit-twettiq tal-Proġett tax-Xatt tal-Birgu u fil-Proġett tax-Xatt tal-Belt,” qal il-Ministru Mugliett.
Parti mill-proġett ta’ Lm140 miljun ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigné li qed isir mill-konsorzju MIDI, jinkludi r-rinovazzjoni u rivitalizzazzjoni tal-binja tat-tmintax –il seklu magħrufa bħala Forti Tigné. Dan il-Forti li jinsab f’Tas-Sliema – iċ-ċentru kummerċjali ta’ Malta – kien inbena oriġinarjament fl-1792 fuq diżinn tal-kap inġinier tal-Ordni ta’ San Ġwann, Stefano de Toussard.
Għalkemm il-Forti Tigné ra biss ftit azzjoni militari fil-200 sena storja tiegħu, dan għadda minn tliet epoki fl-istorja ta’ Malta u tal-Mediterran. Wara t-tluq tal-Kavallieri minn Malta, il-Forti kien okkupat mill-Franċiżi u wara mill-Ingliżi mill-1805 sat-tluq tagħhom fl-1979. Tul dan l-aħħar perjodu il-Forti kien ġie armat u alterat biex jaħdem bħala makna tal-gwerra.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq faħħar lil MIDI plc., talli din qed tqis ir-restawr tal-Forti u l-Garden Battery li nstabet reċentement fil-punent tiegħu bħala parti integrali tal-Proġett tal-Ponta ta’ Tigné.
“Għalkemm ir-restawr ta’ dawn l-istrutturi huwa wieħed mill-obbligi ta’ MIDI plc, dawn mhux qed jitqiesu bħala piż fuq il-proġett iżda bħala assi, peress li dawn ser jiġu ntegrati fil-landscaping ta’ din il-penisola,” hu qal.
Il-Ministru żied jgħid li l-Gvern għandu numru ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana imħejjija, ewlenin fosthom l-iżvilupp ta’ Fort Cambridge fi Qui-si-Sana – li dwaru diġà inħareġ brief mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, ir-riġenerazzjoni tal-inħawi tax-Shreiber f’Raħal Ġdid, u r-riġenerazzjoni taż-żona tal-Baċir Numru 1 f’Bormla. Dan tal-aħħar jinsab fl-istadju tal-għażla tal-iżviluppatur u x-xogħol fuqu mistenni jibda kmieni s-sena d-dieħla.
F’diskors waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Sur Benjamin Muscat, Kap Eżekuttiv, qal li l-MIDI plc għandha l-ħsieb li toħloq spazju urban attrajenti biex il-Forti jerġa’ jibda jintuża fil-kuntest taż-żminijiet ta’ paċi tal-lum, filwaqt li jirrispetta is-saffi varji ta’ l-istorja militari tiegħu – l-Assedju l-Kbir, l-okkupazzjoni Franċiża u ż-żewġ gwerer dinjin – li huma s-sisien ta’ l-identità tiegħu bħala parti mill-wirt storiku ta’ Malta. Il-proposti għall-użu tal-Forti Tigné, fl-isfond tal-Belt Valletta u l-Port ta’ Marsamxett jinkludu żviluppi kulturali u kummerċjali li jkunu sensittivi għall-ambjent storiku tal-madwar. Dawn il-kunċetti differenti ser jinvolvu r-restawr bir-reqqa ta’ l-istrutturi eżistenti – inklużi t-tiswija u r-reintegrazzjoni tal-gun emplacements tas-seklu għoxrin, kif ukoll il-ħolqien ta’ ġonna, passaġġi u faċilitajiet oħra għall-pubbliku.
Is-Sur Albert Mizzi, Chairman ta’ MIDI plc, f’diskors lill-ġurnalisti saħaq fuq il-fatt li l-bidu tar-restawr ta’ Forti Tigné fil-Ponta ta’ Tigné huwa pass importanti ieħor peress li b’hekk ikun qed jintlaħaq obbligu ieħor bejn il-Gvern u MIDI plc.
L-ispiża li ser tmur għar-restawr ta’ Forti Tigné ser tammonta għal Lm1.1 miljuni. MIDI plc., qed tippjana li tlesti dan ir-restawr sa Frar 2008.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950