SE JIŻDIEDU 1,770 SODDA F’ERBA’ PROĠETTI TURISTIĊI DIN IS-SENA
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li bil-ftuħ tal-lukanda Le Méridien fl-1 ta’ Marzu n-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel se jitla’ għal 14; filwaqt li n-numru ta’ sodod f’dawn il-lukandi se jitla’ għal 6,028. Il-Ministru Zammit Dimech li kien qed iżur il-lukanda Le Meridien f’San Ġiljan, fakkar li fl-1995 in-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel kien ta’ ħamsa li bejniethom kellhom 1,274 sodda. Hu qal li dan ifisser li f’10 snin in-numru ta’ lukandi ta’ Ħames Stilel żdied bi tliet darbiet li kien filwaqt li n-numru ta’ sodod illum hu ħames darbiet dak li kien fl-1995.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn seba’ proġetti għall-bini ta’ lukandi ġodda jew estensjonijiet li kienu approvati erbgħa minnhom mistennija jkunu inawgurati din is-sena u se jżidu n-numru ta’ sodod b’1,770. Hu qal li tlieta minn dawn il-proġetti huma għal lukandi ġodda filwaqt li proġett ieħor hu għal estensjoni ta’ lukanda eżistenti. Hu qal li dawn il-proġetti kienu kollha għal lukandi ta’ Ħames Stilel.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-lukandi ta’ Ħames Stilel kienu ta’ importanza ewlenija biex pajjiżna seta’ jidħol fis-settur tal-konferenzi u inċentivi għaliex 76 fil-mija tal-viżitaturi li jiġu għal dawn il-konferenzi jagħżlu li joqgħodu f’lukandi ta’ Ħames Stilel. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet 88,513 viżitatur żaru Malta bħala ‘business tourists’. Din kienet żieda ta’ 8.7 fil-mija fuq l-istess perijodu s-sena li għaddiet. Hu qal li n-numru ta’ delegati għal konferenzi li hu kkalkulat li żaru pajjiżna s-sena li għaddiet kien ta’ 63,000 jew żieda ta’ 6.8 fil-mija fuq l-2004. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li dawn il-viżitaturi jonfqu tliet darbiet it-turisti l-oħra li jżuru pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-lukanda Le Méridien kienet żieda importanti għal-lukandi ta’ Ħames Stilel. Hu qal li din il-lukanda, li tinsab f’wieħed mill-isbaħ postijiet ta’ pajjiżna f’nofs il-bajja ta’ San Ġiljan u b’veduti mill-isbaħ tal-baħar, telgħet fl-art ta’ Villa Cassar Torreggiani li nbniet fit-18-il Seklu. Hu qal li l-villa qed tiġi rinovata biex isservi bħala dining area.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura faħħar l-inizjattiva tal-management ta’ Le Méridien li hu marbut li jimplimenta miżuri proattivi għall-protezzjoni u s-sostenn ta’ l-ambjent biex ikun imħares għall-ġenerazzjonijiet futuri. Hu qal li l-management tal-lukanda jrid jilħaq dan l-iskop b’miżuri li jbiegħdu t-tniġġiż, jnaqqsu l-ammont ta’ skart u biex il-ħaddiema jkunu aktar infurmati u konxji dwar l-ambjent. Hu qal li jinsab infurmat li wara l-ftuħ tal-lukanda se jitwaqqaf Kumitat dwar is-Saħħa Ambjentali u Sigurta’. Dan il-kumitat jrid jiżgura li l-politika ambjentali titmexxa ’l quddiem u tingħata l-importanza meħtieġa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-lukanda Le Méridien kienet se tikkontribwixxi wkoll lejn il-ħolqien ta’ impjiegi fil-qasam turistiku. Hu qal li din il-lukanda kienet se timpjega 160 ħaddiem full time u 40 part-time qabel tiftaħ. In-numru ta’ l-impjiegi kien jitla’ għal 180 ħaddiem full-time u 60 part-time sa Mejju 2006.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li għat-tieni sena konsekuttiva n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna żdied. Hu qal li fl-2003 żaru Malta 1,118,237 turist, fl-2004 in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna tela’ bi 3.4 fil-mija għal 1,156,028 u l-għadd ta’ turisti li kellna s-sena li għaddiet (2005) mistenni jkun ta’ madwar 1,170,000.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lis-sidien tal-lukanda u lill-management għall-fiduċja li għandhom fis-settur turistiku u awguralhom kull suċċess f’dan l-investiment ġdid tagħhom.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950