TRADUZZJONI TAL-KTIEB “L-ENEJDE”
Fr. Victor Xuereb SJ. (MA Oxon) ippreżenta l-ktieb tiegħu ”l-Enejde” lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea. Fr. Victor Xuereb, kif sejjaħlu l-ex President Dr. Ugo Mifsud Bonnici, huwa "t-Traduttur Imgħallem" tal-Malti li għandna. Fr. Xuereb ittraduċa mill-Grieg l-Odissea u l-Illijade ta’ Omeru u mil-Latin, l-Enejde ta’ Virġilju. Issa qed jaħdem fuq il-pubblikazzjoni tat-traduzzjoni ta’ erba’ kotba ta’ l-Odi ta’ Orazju li nittamaw li ma jdumux ma jaraw id-dawl. Permezz ta’ l-Enejde, Fr. Xuereb rebaħ il-Premju Letterarju għat-traduzzjonijiet.
Virġilju mhux lakemm taqilbu f’versi Maltin. Fr. Xuereb irnexxielu jkun fidil lejn l-oriġinal filwaqt li żamm ir-ritmu u l-melodija tal-poeta Latin. Mill-pinna tiegħu joħorġu kemm il-gravita u maesta’ ta’ Virġilju, kif ukoll il-ħeffa u r-rikezza tal-kelma Maltija meta mħaddma bis-sengħa.
Virġilju għanna l-istorja ta’ Ruma Imperjali fuq mudell ta’ l-Odissea u l-Illijade ta’ Omeru. Imma l-Enejde tiegħu hija aktar sofistikata mill-kapulavuri Griegi. Fl-Enejde Virġilju joħloq epika nazzjonali li mhux biss turi d-destin ta’ Ruma, imma wkoll is-sbuħija naturali ta’ l-Italja kollha u tad-drawwiet reliġjużi u soċjali tar-Rumani.
Lill-Imperatur Awgustu għollieh mas-smewwiet imma ma kien qatt lagħqi f’tifħiru. L-epika ta’ Virġilju mhix miktuba biex jgħannuha r-rapsodisti fuq kitarra fuq flixkun inbid kif kienu jagħmlu l-għannejja fi żmien Omeru. Hija l-opra ta’ professur biex tiġi ddeklamata fi skiet perfett f’teatru jew sala kbira biex tiġi apprezzata minn udjenza magħżula li taf tiggosta l-leħma u r-ritmu u l-mużikalita’ tal-kelma.
Il-Ministru Louis Galea feraħ lil Fr. Victor Xuereb għall-biċċa xogħol kbira li qed jagħmel permezz tat-traduzzjonijiet tiegħu. Hu qal li ħafna mill-adulti u ż-żgħażagħ illum ma kellhomx iċ-ċans japprezzaw dawn il-kapulavuri minħabba li kienu miktuba bil-lingwa Griega jew bil-Latin. Issa li dawn ix-xogħlijiet huma bil-Malti aktar nies jistgħu jiggustaw il-kapulavuri ta’ Omeru u Virġilju li issa saru ġawhra tal-lettaratura Maltija wkoll li biha għandna nkunu kburin.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950