Diskors ta’ l-Onor. Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, waqt l-Għażliet Sportivi Nazzjonali organizzata mill-Għaqda Kittieba Sport - Robert Samut Hall, Florjana - 14 ta’ Jannar 2006
Huwa ta’ pjaċir għalija li niltaqa’ mal-finalisti għall-unuri sportivi annwali mill-Għaqda Kittieba Sport. M’hemmx dubju li din hija festa importanti għall-isportivi u għad-dinja ta’ l-isport.
F’okkażjoni bħal ta’ dalgħodu huwa tajjeb li nagħmlu riflessjoni fuq dan is-settur.
Huwa fatt li hemm bżonn li aktar nies jipprattikaw l-eżerċizzju fiżiku. Għadna nsibu reżistensi minn ġenituri filwaqt li oħrajn jinkoraġġixxu l-uliedhom ikunu attivi. Fiċ-Ċensiment Nazzjonali li sar tard is-sena li għaddiet, permezz tal-Kunsill Malti għall-iSport, daħħalna mistoqsija biex inkejlu l-impatt ta’ l-eżerċizzju fiżiku fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum:
X’ser ikun ir-riżultat?
Kemm qed ngħatu każ ta’ saħħitna?
Kemm huma dawk li jipprattikaw xi sport?
Kemm huma dawk li għandhom xi introjtu mill-isport?
Kollha mistoqsijiet li huma meħtieġa biex inkunu nistgħu naslu għal deċiżjonijiet fuq skemi u proġetti li għandhom iwassluna li nilħqu l-miri meħtieġa. Nistennew u naraw l-eżitu ta’ dan iċ-ċensiment. Ir-risposti ser jagħtuna stampa li fuqha nkunu nistgħu nippjanaw bl-aħjar mod.
Il-fatt li jkollna ġenerazzjoni atletika jfisser ukoll li jkollna ġenerazzjoni b’saħħitha fiżikament u mentalment, aktar dixxiplinata u lesta għall-isfidi li ġġib magħha l-ħajja ta’ llum. Dawn l-isfidi huma parti mill-ħajja tal-bniedem u allura ma’ jistgħux jitwarrbu jew jinħbew imma jridu jkunu ffaċċati b’kuraġġ, b’għaqal u anke b’dixxiplina. Qed nirreferi partikolarment għall-isfidi soċjali moderni li ġab miegħu l-iżvilupp soċjali u jinkludi l-livell aktar għoli fl-edukazzjoni; aktar professjonaliżmu u speċjalizzazzjoni fil-karriera; mobilita’ fix-xogħol; stil ta’ ħajja kemm xejn tassattiv fuq saħħitna, minħabba l-ġirja kontra l-ħin u tip ta’ divertiment li kultant huwa aktar frenetiku milli rilassanti.
F’dan il-kwadru ħaj li qed ngħixu fiħ, insibu assoċjazzjonijiet u għaqdiet volontarji sportivi lokali li dejjem ifittxu atleti telgħin biex ikabbru l-għażla li minnhom joħorġu dawk li jagħmlu suċċess u li jerfgħu l-fuq lis-soċjeta tagħna ma’ soċjetajiet oħra l-barra min xtutna fil-kompetizzjonijiet. Dan huwa skop ieħor ta’ l-isport.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-valur kbir tax-xogħol tal-volontarjat fl-isport. Il-Gvern f’dawn l-aħħar disa’ snin (bejn l-1998 u din is-sena 2006) investa aktar minn Lm 12 il-miljun fl-isport bejn l-ispiża kapitali ta’ kwazi ħames miljun lira, u l-ispiża rikorrenti ta’ sebgħa miljun u nofs lira.
Illum il-Gvern qed ikompli bl-iżvilupp tal-faċilitajiet sportivi ġewwa l-kampus tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, li minbarra l-pitch u l-pista atletika ta’ l-aħjar livell possibbli li diġa` inbniet, ser jinbena ċ-Ċentru Reġjonali Sportiv, li jrid jiżdied ma’ dawk li dan il-Gvern bena’ f’dawn is-snin, jiġifieri, iċ-Ċentru Sportiv f’Għawdex, il-Pixxina Nazzjonali, is-Sala Sportiva biswietha, il-Pista ta’ l-Atletika tal-Marsa, iċ-Ċentru Reġjonali Sportiv tal-Kottonera u tant żvilupp ieħor minn entitajiet oħra bl-għajnuna finanzjarja tal-budget kapitali tal-Gvern, bħall-bini ta’ Klabb ta’ l-Ibburdjar ġewwa San Pawl il-Baħar, il-bdil ta’ l-art tal-Padiljun tal-Basketball ġewwa Ta’ Qali, ix-xiri ta’ molol ġodda fir-Range ta’ l-Isparar fil-Bidnija (proġett mibni wkoll minn dan il-Gvern) u apparat tekniku sportiv ieħor li nxtara’ u ngħata lill-assoċjazzjonijet li kellhom bżonn għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ġew organiżżati f’pajjiżna f’żewg okkażjonijiet – jiġifieri fl-1993 u fl-2003. Ma’ dawn inżid dak l-iżvilupp li qed isir f’ħafna faċilitajiet oħra mmexxija minn għaqdiet sportivi li wara li ħadu t-titlu legali fuq il-faċilità tagħhom issa qiegħdin jinvestu biex ikollhom facilità moderna, attrezzata u fuq kollox li trendilhom lura l-finanzjament tant meħtieġ għat-tmexxija ta’ l-istess għaqda.
Dawn huma l-fatti li flimkien qed iħeġġu u jixprunaw l-amministraturi, l-atleti u l-ġenituri biex il-poplu jinvolvi aktar ruħhu fl-attività sportiva. Dan qatt m’hu biżżejjed iżda fiċ-ċirkostanzi ta’ l-ekonomija tagħna s’issa dan hu x’nistgħu nipprovdu biex inżommu dawn il-faċilitajiet fuq livell tajjeb.
Spiss nisimgħu kritika fuq il-Pixxina Nazzjonali. Bejn is-sena l-oħra u din is-sena, permezz tal-Kunsill Malti għall-iSport ser inkunu nfaqna mal-Lm400,000 biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Is-sena l-oħra, għalkemm il-Pixxina Nazzjonali kienet magħluqa, sar arranġament (bi ħlas mill-Kunsill Malti Għall-iSport) ma’ klabb privat u kull min ried setgħa jagħmel it-taħriġ tiegħu xorta waħda. Ta’ min jgħid li fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Andorra s-sena l-oħra, Malta kisbet l-ewwel midalja tagħha tad-deheb fl-għawm u dan meta intużat din l-alternattiva, jiġifieri pixxina oħra għat-taħriġ (minflok dik f’Tal-Qroqq). Fatt ieħor li rrid insemmi wkoll hu li issa l-Kunsill Malti għall-Isport għandu impjegat full-time u ieħor part-time li jippermettilhom siegħat sħaħ ta’ taħriġ bi ħlas – tip ta’ sponsorship marbut mal-kisba tar-riżultati. Il-Gvern iħallas jew jissekonda wkoll erba’ mpjegati full-time mal-Kumitat Olimpiku Malti, biex dawn jaħdmu fl-amministrazzjoni ta’ l-istess Kumitat Olimpiku. Dan minbarra ħaddiema oħra sekondati ma’ għaqdiet sportivi oħra f’diversi dixxiplini sportivi differenti.
Il-politika ta’ dan il-Gvern hi waħda li tippromwovi u issaħħaħ l-isport u l-infrastruttura meħtieġa. Fiċ-ċirkostanzi tagħna qed nagħmlu li nistgħu. J’Alla jkollna aktar riżorsi x’nallokaw għal dan is-settur.
Matul is-sena 2005, il-Kunsill Malti Għall-iSport wettaq ħafna ħidma siekta ma’ l-assoċjazzjonijiet u entitajiet sportivi. Biżżejjed wieħed isemmi li ta’ l-inqas:
· saru 387 laqgħa ma’ entitajiet sportivi,
· ġew mistħarrġa 385 ġurnata ta’ special sports leave u
· proċessati 135 permess ta’ xogħol minn barranin.
Dan irid jiżdied max-xogħol l-ieħor ta’ amministrazzjoni tal-faċilitajiet sportivi li jintużaw minn madwar 18-il assoċjazzjoni nazzjonali għall-attivitajiet sportivi tagħom, kuljum. Dan biex ma’ nsemmux in-numru kbir ta’ klabbs u individwi li ta’ kuljum jużaw dawn il-faċilitajiet ukoll.
Baqgħu jiġu organiżżati Skolasport u l-programm tas-Sajf (li huwa indipendenti minn Skolasajf tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni). Issa bdew isiru anke l-ispezzjonijiet minn Compliance Officer tal-Kunsill fuq dawk il-faċilitajiet sportivi mgħoddija lil Għaqdiet b’Riżoluzzjonijiet Parlamentari. Dan qed isir biex filwaqt li nieħdu kont ta’ l-użu proprju ta’ dawn il-faċilitajiet, nkomplu nixprunaw l-għaqdiet li jmexxuhom fil-ħidma tagħhom. Dalwaqt ser jibda’ wkoll l-eżerċizzju ta’ Reġistrazzjoni ta’ Għaqdiet Sportivi. Dan ser isir biex nieħdu stampa aktar ċara ta’ l-operaturi f’dan is-settur u b’hekk inkunu f’pożizzjoni aħjar meta nitkellmu magħhom.
Fid-diskors tas-sena l-oħra, jien poġġejt dawn il-miri quddiemna:
- Li noħolqu kultura ta’ parteċipazzjoni tal-massa, inkluż l-anzjani, fl-attivita’ fiżika.
- Irridu li t-tfal KOLLHA jieħdu sehem fl-isport u fl-attività fiżika. Is-sħubija bejn skola u sport trid tikkaratteriżża l-istrateġija.
- Il-ħin mgħoddi f’attivitajiet sportivi jkun sew waqt kif ukoll wara l-ħin ta’ l-iskola. Irid isir xogħol biex fit-transizzjoni li jgħaddu minnha iż-żgħażagħ fl-eta’ ta’ sittax il-sena ir-rabta ma’ l-isport u l-attività fiżika ma’ tintilifx.
- Iridu jiġu żviluppati bis-sħiħ ir-rikonoxximent permezz ta’ krediti ta’ studju u taħriġ fiż-żmien li studenti jgħaddu f’attività fiżilka u sportiva rikonoxxuta u ċertifikata minnhom.
- Irridu wkoll li kull min jikkowċja t-tfal u ż-żgħażagħ ikollu t-taħriġ meħtieġ u ċ-ċertifikati stabbiliti.
- Irridu li l-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-Gvern jibqgħu jintużaw fit-tul wara l-ħin ta’ l-iskola, l-ewwel mit-tfal ta’ l-istess skola, imbagħad miż-żgħażagħ u l-komunità tal-lokalità.
- Irridu noħolqu kultura ta’ team fl-użu tal-faċilitajiet sportivi biex inkunu nistgħu nimmiraw għal ħidma aktar professjonali u speċjalizzata. B’hekk ikun possibbli wkoll li reġjuni differenti f’Malta jkollhom strateġija reġjonali fil-qasam tal-attività fiżika għall-massa u l-isports.
- Irridu nlestu l-Kumpless f’Ħal Kirkop u dak fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, b’involviment tas-settur privat.
- Għandhom jiġu privileġġjati d-dixxiplini ta’ l-għawm.
- Il-Gvern irid itejjeb u jkattar l-opportunitajiet għal aktar parteċipazzjoni, li jimbotta l-iżvilupp tat-talent, li jappoġġja in-nisa u l-irġiel sportivi jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet sa’ l-ogħla livell. Għal dan l-iskop wiehed mill-scholarships li ser iniedi l-Gvern fl-iskema li habbar fil-Budget ghal din is-sena ser ikun fil-qasam sportiv kif jigi deciz aktar tard.
- Irridu ntejjbu l-ġbir, il-kwalità u l-koordinament ta’ informazzjoni, statistika, surveys u riċerka biex insaħħu l-kapaċita’ tagħna lkoll li nibbażaw id-deċiżjonijiet tagħna fuq tagħrif u analiżi ta’ evidenza.
- Inpoġġu fuq bażi soda il-politika tagħna dwar l-użu illeċitu ta’ sustanzi u mediċini fl-isport, jew kif hu magħruf id-Doping.
- Irridu nagħtu valur miżjud għall-investiment u l-faċilitajiet sportivi tal-Gvern.
Ma’ nistgħux ngħidu li aħna kuntenti li wasalna s’hawnhekk. Nemmen li s-settur amministrattiv ta’ l-assoċjazzjonijiet sportivi diversi għandu jkompli jinsisti li jtejjeb il-livelli u l-effiċjenza tiegħu. Ħafna fostkom jgħiduli li qed isibuha dejjem diffiċli li jattiraw żgħażagħ lejn l-isport. Jien nerġa nistaqsi jekk aħniex qed nadottaw l-istrateġiji li jattiraw iż-żagħżagħ ta’ llum, li huma differenti ħafna minn ta’ għoxrin sena ilu. Wisq naħseb li kultant għadna nużaw tattiċi u sistemi li saru qodma u li jridu jinbiddlu u jiġu aġġornati għal dawn iż-żminijiet.
Il-Gvern irrid qabel xejn jinkoraġġixxi u jirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu kemm volontarjament kif ukoll bi ħlas biex uliedna jirċievu dak it-taħriġ li jgħinhom jiżviluppaw fiżikament kemm jekk fil-livelli atletiċi kompetittivi u anke jekk fil-livelli anqas.
Il-Kunsill Malti għall-Sport f’dawn il-ġranet ser jgħaddi lill-KOM ghajnuna finanzjarja ghall-ammont ta’ LM120,000 għal din is-sena kurrenti flimkien ma’ għajnuna oħra rilevanti ‘in kind’. Il-Gvern japprezza wkoll id-dħul li bil-għaqal u tħabbrik tiegħu l-KOM jikseb sew minn għejjun lokali kif ukoll minn oħrajn barranin. Iżda jiena naf li l-investiment li jinħtieġ jagħmel il-KOM biex jassigura l-aħjar taħriġ u wirja ta’ l-atleti u l-isportivi Maltin u Għawdxin huwa sew aktar minn dan l-ammont.
Irrid nirringrazzja u fl-istess ħin inħeġġeġ lil dawk l-operaturi sportivi tas-settur privat, il-kummerċjanti, l-investituri ta’ gyms privati u anke l-media sportiva li kontinwament, bil-ħidma tagħhom qed jaqsmu l-piż li nwasslu l-messaġġ li hemm bżonn ta’ aktar attività sportiva għal ġid tas-soċjetà.
Fix-xhur li ġejjin il-Kunsill Malti Għall-iSport ser jorganiżża l-ewwel Konferenza Nazzjonali ta’ l-iSport biex naġġornaw il-politika f’dan is-settur. Il-Kunsill ser joħroġ għad-diskussjoni l-iStrateġija tiegħu għall-iSport f’pajjiżna. Min issa nħeġġeġ lil dawk kollha li b’xi mod huma nvoluti biex jagħtu l-kontribut tagħhom ħalli dan is-settur ikompli jikber u jiżviluppa għal ġid tas-soċjetà tagħna.
Il-Gvern japprezza wkoll il-ħidma li l-Kunsill Malti għall-Sport u l-uffiċċjali tiegħu qed jagħmlu b’risq il-ħidma fil-qasam ta’ l-isport u l-sportivi f’pajjiżna.
Ilkoll flimkien inkomplu naħdmu biex inwasslu messaġġ ċar – investi fl-isport għax jaqbillek.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950