IL-GVERN IĦABBAR PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IS-SETT TAL-MUNITI MALTIN TAL-EURO
“Fi żmien sentejn, Malta ser tkun għaddejja minn bidla tal-munita nazzjonali tagħha, l-ewwel waħda f’ħamsa u tletin sena u bidla li probabbilment bħala mhux ser ikun hemm għal żmien twil. Din hija bidla unika minħabba li, din id-darba, ser inkunu qed ningħaqdu fi proġett ta’ integrazzjoni monetarja li rnexxa,l-euro. Il-Gvern iħoss illi ċ-ċittadin Malti għandu jkollu sehem dirett fl-għażla tad-disinji għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti tiegħu tal-euro u llum qegħdin nagħtu bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Din hi, għalhekk,opportunita’li qatt ma kien hawn bħalha biex il-pubbliku jista’ jagħżel hu wiċċ għall-flus tiegħu u qegħdin inħeġġu lil kulħadd sabiex jagħti sehemhu f’din id-deċiżjoni storika” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret dalgħodu fil-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Kumitat Nazzjonali Għall-Bidla għall-Euro (NECC) qegħdin jagħtu bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għall-għażla tad-disinji għas-sett Malti tal-muniti ta’ l-euro. Il-pubbliku qed jiġi ppreżentat bi 12-il għażla maqsuma f’erba’ temi u qed jiġi mitlub jagħti l-għażla li jixtieq li tidher fuq il-wiċċ nazzjonali tas-sett tal-muniti ta’ l-euro.
Fl-indirizz tiegħu lill-istampa, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech, flimkien mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Michael C Bonello, u ċ-Chairman ta’ l-NECC, Joseph F X Zahra, ħabbar li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika qiegħed jinbeda llum u jintemm il-Ħadd 29 ta’ Jannar 2006. Matul dan il-perjodu, l-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jibgħat SMS jew iċempel in-numru abbinat ma’ l-għażla preferuta tiegħu. Min jipparteċipa f’din il-konsultazzjoni jkun qiegħed jieħu sehem f’lotterija li għandha bħala premjijiet 20 biljett ta’ l-arju mogħtija mill-Air Malta għal kwalunkwe destinazzjoni tagħha, jew inkella numru ta’ settijiet ta’ telefoniċellulari mogħtija minn Go Mobile. Il-prezz ta’ kull SMS jew telefonata huwa l-prezz standard ta’ l-operatur.
Is-Segretarju Parlamentari Fenech, li huwa ċ-Chairman tal-Euro Changeover Steering Committee, qal li din hija l-ewwel fażi tal-proċess pubbliku ta’ konsultazzjoni: “It-tieni fażi, li sejra sseħħ aktar tard matul l-2006 se tinvolvi proċess ta’ konsultazzjoni simili li matulu l-pubbliku ser jiġi mitlub jagħżel id-disinji finali għas-sett tal-muniti tal-euro.” Kif seħħ diġa’ f’xi wħud mill-iStati Membri ta’ l-UE, il-muniti ta’ l-euro ta’ Malta ser ikollhom tliet disinji differenti: wieħed għall-muniti ta’ l-euro u taż-żewġ euro, ieħor għall-muniti tal-ħamsin, għoxrin u għaxar ċenteżmi w ieħor għall-muniti tal-ħames ċenteżmi, żewġ ċenteżmi u ċ-ċenteżmu.
Hu spjega li erba’ temi ġew magħżula, b’kull tema tkopri aspett speċifiku tal-qafas Malti, jiġifieri, il-preistorja ta’ Malta, Malta fir-Rinaxximent, tema li tirrappreżenta l-identita’ Maltija u oħra li tirrappreżenta l-arċipelagu Malti. Għal kull tema qed jingħataw tliet għażliet differenti: “Il-pubbliku qiegħed jiġi mitlub biex jagħmel l-għażla tiegħu billi jibgħat SMS vojt jew iċempel in-numru abbinat ma’ kull għażla.Qed tingħata wkoll l-opportunita’li wieħed jissuġġerixxi għażliet oħrajn billi jibgħat SMS fuq numru differenti. It-tliet għażliet minn tliet temi differenti li jirċievu l-akbar numru ta’ voti, ser iservu ta’ bażi għad-disinji tal-muniti. Dawn l-għażliet finali, aktar tard din is-sena jerġgħu jiġu ppreżentati lill-pubbliku biex jiddeċiedi l-aħħar għażla għad-disinn li ser jidher fuq is-sett tal-muniti tal-euro.”
Is-Sur Fenech qal li l-Gvern, permezz ta’ kumitat konġunt imwaqqaf bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-NECC, fassal proċess immirat lejn l-involviment tal-pubbliku:“Nixtiequ li dan ikun proċess tal-poplu. Nemmnu li huwa ta’ importanza li Malta ser ikollha s-sett tal-muniti tal-euro tagħha li jintużaw fl-Ewropa kollha. B’dan il-mod għandna l-opportunita’ li nippromwovu lil Malta permezz tas-sett tal-muniti ta’ l-euro, minħabba li x-xbihat fuq il-muniti jkunu qed jiċċirkolaw fl-iStati Membri ta’ l-U.E. Grupp ta’ numiżmatiċi w esperti fl-eraldika mqabbda mill-Bank Ċentrali ta’ Malta qagħdu attenti li jagħżlu temi u għażliet li m’humiex kontroversjali jew partiġjani.Għal din ir-raġuni ddeċidejna li mmorru għal temi assoċjati mal-patrimonju għani Malti, aktar milli għal personalitajiet jew figuri li jistgħu joħolqu kontroversja.”
Is-Sur Fenech ħeġġeġ lill pubbliku biex jipparteċipa f’dan il-proċess: “Din hija opportunita’ unika biex nagħżlu wiċċ għall-flus tagħna. Qegħdin inħeġġu lill-pubbliku biex jieħu sehem f’din id-deċiżjoni mportanti. Il-bidla għal munita ġdida hija avveniment nazzjonali storiku u l-bidla għall-euro hija ta’ sinifikat partikolari għaliex tagħtina l-opportunita’ biex inpoġġu l-identita’ nazzjonali tagħna fuq munita internazzjonali soda. Fiha nfisha, din hija wkoll xhieda li, permezz tas-sħubija fl-UE, aħna tassew qed insaħħu l-identita’ tagħna.”
Aktar informazzjoni fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali tinkiseb mill-website tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, www.centralbankmalta.com jew mill-website ta’ l-NECC, www.euro.gov.mt. Il-pubbliku ser ikun ukoll infurmat permezz ta’ riklamar fuq it-televiżjoni u fil-gazzetti matul il-perijodu tal-konsultazzjoni.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950