DISKORS TA’ L-ONOR. DR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN WAQT PREŻENTAZZJONI TA’ KOTBA LIL SEBA’ LIBRERIJI REĠJONALI - AUBERGE D’ARAGON, VALLETTA - 13 TA’ JANNAR 2006
F’pajjiżna hemm dejjem il-bżonn li l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna jieħdu ħsieb li jżommu fuq l-aġenda tagħhom l-importanza tal-qari. F’soċjetà moderna bħal tagħna l-kotba huma indispensabbli. Dan għalhekk ifisser li rridu nieħdu ħsieb li nippromwovu kemm nistgħu l-aċċessibilità għalihom. Il-libreriji huma l-istrument li permezz tagħhom is-soċjetajiet kollha żammew ħajjin. F’dan il-pajjiż għamilna qabżiet kbar f’din id-direzzjoni. Għax mhux biss għandna libreriji ċentrali fejn hemm kwantità kbira ta’ kotba miġbura, iżda għandna wkoll l-ewwel, seba’ libreriji reġjonali u t-tieni, disa’ u erbgħin libreriji (49) fergħa mqassma madwar il-gżira kollha.
F’din id-direzzjoni l-Kunsilli Lokali ta’ ħafna bliet u rħula tagħna ħadu f’idejhom it-tmexxija ta’ dawn il-libreriji. Mhux biss permezz ta’ diversi kuntratti ta’ ftehim ma’ tlieta u erbgħin (43) lokalità, iżda issa anki direttament b’emenda li għadha kif daħlet fis-seħħ fil-liġi. Dan jixħet piż ta’ responsabbiltà li titlob ħafna attenzjoni u gwida. Dan qed ngħiduh fid-dawl tal-fatt li mhux kull librerija għandha l-istess tip ta’ tmexxija u mhux kull waħda għandha l-istess livell fil-kwalità tal-kotba fuq l-ixkafef tagħha. Dan jixħet ċertu responsabbiltà, iktar u iktar meta wieħed jikkonsidra li tul is-sena li għaddiet, mil-libreriji reġjonali u l-libreriji friegħi issellfu 507,469 ktieb. Għalhekk, bi ftehim bejn id-Dipartiment tal-Libreriji u dak tal-Kunsilli Lokali, twaqqaf il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Libreriji Pubbliċi fil-Kunsilli Lokali mmexxi miċ-Chairman is-Sur Oscar Grech.
Dan il-Kumitat ilu issa jaħdem sena, u tul din is-sena irnexxielu jibda ħidma tajba sabiex l-ewwel, tiżdied il-kwalità ta’ kotba; u t-tieni, l-varjetà tal-kotba fuq l-ixkafef ta’ dawn il-libreriji.
Biex dan isir hemm bżonn, l-ewwel, il-koperazzjoni tal-Kunsilli Lokali li għandhom huma stess jieħdu ħsieb li kull sena jallokaw parti mill-fondi tagħhom għax-xiri ta’ kotba ġodda; it-tieni, billi qiegħed isir appell sabiex kull min jixtieq jagħti bħala donazzjoni, jew flus, jew kotba jgħaddihom direttament lil dan il-Kumitat; u t-tielet, bl-għajnuna ta’ diversi istituzzjonijiet.
Kien għalhekk li dan il-Kumitat avviċina lill-Istitut Kulturali Ċiniż f’Malta u dan wieġeb b’mod ġeneruż billi għadda fi żmien qasir dawn l-elf ktieb li aħna qegħdin hawn inqassmu llum. Irrid nirringrazzja pubblikament lill-Ambaxxata Ċiniża f’pajjiżna għall-isforzi tagħha sabiex din id-donazzjoni ġiet mogħtija. Iċ-Ċina qegħda f’fażi kbira ta’ espansjoni u ma hemmx dubbju li fis-snin li ġejjin ser tkabbar ferm iktar l-influwenza tagħha fuq l-eventi tad-dinja. Pajjiżna huwa onorat li għandu fih Ċentru Kulturali Ċiniż li huwa fost l-ikbar li hawn fl-Ewropa, fejn wieħed jista’ jitgħallem il-lingwi u jifhem il-kultura u d-dimensjoni sħiħa tiegħu.
Hemm bżonn li bħala pajjiż nifhmu iktar ir-realtà li ser tiġi magħna fis-snin li ġejjin u nippreparaw rwieħna għaliha. Għalhekk permezz ta’ din l-għotja, il-poplu tagħna ser ikollu għad-disposizzjoni tiegħu iktar kotba u kotba li jkabbrulu l-orizzonti tiegħu.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950