Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU TA’ MALTA, WAQT L-ISKAMBJU TA’ L-AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – BERĠA TA’ KASTILJA – IL-ĦAMIS, 12 TA’ JANNAR 2006

pr0033
Date Icon 12/01/2006

Għal darba oħra reġa’ għandi l-opportunità pjaċevoli li nsellmilkom fil-bidu ta’ sena ġdida. Nawgura lilkom u l-familji tagħkom l-isbaħ xewqat għal dawn iż-żminijiet. Permezz tagħkom, nixtieq ukoll inwassal it-tislijiet tal-Gvern u tal-poplu Malti lill-Gvernijiet u l-popli tal-pajjiżi tagħkom. 

Meta ltqajna sena ilu, il-komunità internazzjonali kienet għadha qed tirreaġixxi għall-qatgħa tat-Tsunami fl-Ocean Indjan. Fl-istess waqt kienet qed tantiċipa s-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda li kellu jiltaqa’ aktar tard matul is-sena. Dawn il-ħsibijiet kienu l-iprem kunsiderazzjonijiet fir-riflessjoni dwar l-għaġġla u d-direzzjoni ta’ l-azzjoni kollettiva li jridu jieħdu n-nazzjonijiet kollha biex jilqgħu għall-ħafna sfidi li għandhom quddiemhom. 

L-avvenimenti ta’ l-aħħar tnax-il xahar taw materjal bil-bosta biex ikebbsu d-dibattitu dwar ir-rotta ta’ multilateraliżmu effettiv. Numru ta’ diżastri naturali f’ħafna nħawi tad-dinja reggħu għamlu emfasi drammatika fuq id-dgħjufijiet tan-nazzjonijiet u l-ġnus kollha. Dawn id-diżastri reggħu taw prova ta’ l-ispirtu ta’ l-appoġġ reċiproku u tas-solidarjetà li tfeġġ spontanjament f’kull żmien ta’ kriżi. 

Il-ħafna laqgħat ta’ livell għoli li laqqgħu l-komunità internazzjonali f’dawn l-aħħar tnax-il xahar, ġeddu u tefgħu dawl fuq dan l-ispirtu ta’ solidarjetà kollettiva. Fl-istess waqt, xeħtu dawl ukoll fuq il-kumplikazzjonijiet u d-diffikultajiet imdeffsa fil-proċess multilaterali. 

F’dan l-ispirtu, ir-riżultati li kiseb is-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda ta’ Settembru, u tal-konferenzi internazzjonali l-oħra li ltaqghħmatul dawn l-aħħar xhur, huma kemm ta’ inkoraġġiment kif ukoll ta’ sfida. 

L-inkoraġġment jiġi mill-fatt li fi New York, f’Tuneż, f’Ottawa u f’Hong Kong, intlaħqu ftehimiet  dwar x’għandu jsir dwar it-temi diskussi – mill-iżvilupp u s-sigurtà sa l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-kummerċ internazzjonali. L-isfida tiġi mill-għarfien li ħafna minn dawn il-ftehimiet huma biss parzjali jew esperimentali, u minnhom infushom jitolbu aktar azzjoni intensiva qabel nilħqu xi riżultati konkreti. 

Xi gimgħatejn ilu lħaqna riżultat minn dawn bil-ftehim ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda biex titwaqqaf Kummissjoni dwar il-Bini tal-Paċi. Din tħajjarna nippretendu riżultati simili f’ħafna aktar proġetti li ġew identifikati. 

Il-laqgħa tal-mexxejja fis-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Settembru għamlet emfasi fuq il-ħsieb li l-iżvilupp, il-paċi u s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem huma marbuta ma’ xulxin u jsaħħu ’l xulxin. 

Fil-każ ta’ Malta, l-għarfien dwar rabtiet kemm vertikali kif ukoll orizzontali li jorbtuna flimkien f’komunità globalizzata ha forma partikolarment intensa fid-dawl tal-migrazzjoni irregolari. 

Iċ-ċentru tal-Mediterran hu tradizzjonalment arena fejn ir-realtajiet supremi ta’ sigurtà nazzjonali, żvilupp reġjonali u drittijiet ta’ l-individwu jitħalltu b’qawwa kultant splussiva. Ir-relazzjoni bejn dawn ir-realtajiet illum qed turi ruħha wkoll fil-mewġiet dejjem jikbru ta’ traffiku ta’ bnedmin mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa ta’ Isfel. 

Dawn il-mewġiet huma parzjalment il-wirt ta’ fatturi storiċi, politiċi, soċjali u ekonomiċi li lkoll nafu sew. F’dawn l-aħħar snin dawn il-fatturi ġew aggravati b’azzjonijiet ċiniċi u abbużivi ta’ instigaturi u operaturi korrotti u illegali. 

Malta qed tissogra li tispiċċa mgħobbija aktar milli tiflaħ mill-qies u l-intensità ta’ dan il-fenomenu. Il-kapacità tagħna li nlaħħqu ma’ l-aspetti prattiċi li tqajjem din ir-realtà qed titgħaffeġ taħt dawn il-pressjonijiet tremendi. Agħar minn hekk hemm il-piż li din is-sitwazzjoni qed titfa’ fuq l-ispirtu tradizzjonali tagħna ta’ ospitalità u ħbiberija. 

Indunajna mill-bidu li din il-problema trid tissolva f’livelli differenti u b’soluzzjonijiet differenti. F’kull ħin fil-konsiderazzjonijiet kollha tagħna hemm dejjem l-aspett uman ta’ din id-dilemma. 

Flimkien ma’ sħabna fl-Ewropa u fil-Mediterran, Malta qed taħdem għal twegiba kollettiva li tqarreb il-bżonn ta’ azzjonijiet ta’ rimedju ma’ soluzzjonijiet fit-tul. L-azzjonijiet immedjati jtaffu r-realtajiet prattiċi li qed jiġru kuljum. Is-soluzzjonijiet fit-tul jaħsbu għal miżuri li jsaħħu l-proċess ta’ żvilupp reġjonali u sigurtà. L-azzjonijiet kollha jridu jżommu l-għeruq tagħhom fil-legalità internazzjonali u fir-rispett lill-individwi u lill-komunitajiet maqbuda f’din id-dilemma. 

Ir-rispons inizjali u inkoraġġanti li kellna kkonferma l-valur u l-validità ta’ l-azzjoni kollettiva fi kwistjonijiet urġenti ta’ natura differenti. Fil-livell bilaterali xi pajjiżi offrew għajnuna lil Malta biex tlaħħaq mal-problemi prattiċi. Nixtieq intenni l-apprezzament tiegħi lil dawn il-pajjiżi. 

Fil-livell reġjonali, il-proċess ta’ konsultazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet mexjin tajjeb. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’numru ta’ laqgħat reġjonali u l-aktar fis-Summit Ewro-Mediterranju ta’ Barċellona li ltaqa’ f’Novembru kellhom riżultati utli. Dawn għenu biex jissaħħu u jitjiebu l-azzjonijiet ta’ rimedju u ta’ prevenzjoni li huma kollha indispensabbli. L-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea dwar din il-materja ttenna fil-Komunikat tal-Kummissjoni dwar l-Azzjonijiet ta’ Prijorità li l-Kunsill Ewropew irratifika f’Diċembru. 

Fix-xhur li ġejjin il-Gvern tiegħi għandu l-ħsieb iżomm l-attenzjoni tiegħu fuq dan is-suġġett u inkluż fih il-ġlieda kontra t-traffikar illegali. Nittamaw li din il-kwistjoni jkollha l-attenzjoni li jixirqilha fil-Laqgħa Għolja dwar il-Migrazzjoni li n-Nazzjonijiet Magħquda sejhet għas-sajf li ġej. 

Xi gimgħat ilu Malta laqqgħet b’suċċess il-laqgħa ta’ kull sentejn tal-Kapijiet ta’ Gvern tal-Commonwealth. Dawn il-laqgħat, li jlaqqgħu kważi kwart tal-Gvernijiet tad-dinja li jirrapreżentaw 1,800 miljun ruh minn ħames kontinenti u minn 53 pajjiż, għandhom mod uniku kif iħaddmu l-proċess multilaterali. L-ambjent rilassat u informali joħloq l-opportunità lill-parteċipanti li jfittxu kif jifhmu ’l xulxin aktar u aħjar u dan hu pass meħtieġ qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet. 

Jien ħadt sehem f’din il-Laqgħa l-ewwel darba din is-sena u ngħid li jien tassew impressjonat bil-vitalità u r-rilevanza ta’ dan il-metodu. Konvint li d-deliberazzjonijiet li wasslu għall-Istqarrija ta’ Valletta dwar il-Kummerċ Multilaterali kienu fattur siewi fil-proċess li wassal għad-deċiżjonijiet diffiċli li ttieħdu mbagħad f’Hong Kong. 

Nemmen ukoll li l-kwistjonijiet l-oħra li ddiskutejna fil-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Commonwealth f’Malta, u l-aktar dawk li ssemmew fl-Istqarrija ta’ Għawdex dwar l-Istati Żgħar u Vulnerabbli, se jsibu rwieħhom fl-oqsma rileventi tal-proċess multilaterali. 

L-Unjoni Ewropea tagħti l-qafas ewlieni li permezz tiegħu Malta llum tieħu sehem fil-proċess multilaterali. Aħna impenjati bis-sħiħ bhal ma hi l-Unjoni għal multilateraliżmu effettiv fil-livelli kemm globali kif ukoll reġjonali. Aħna nilqgħu l-opportunitajiet ġodda li s-sħubija tagħna fl-Unjoni ħolqitilna biex inżidu mal-kontribut nazzjonali tagħna għal sforzi kollettivi. 

Fil-livell dinji, l-Unjoni s-sena li għaddiet kienet strumentali biex intlaħaq il-ftehim fis-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda mhux lanqas bid-deċiżjoni importanti li sa l-2015 nilħqu l-għan ta’ għinuna ta’ 0.7% għall-iżvilupp. 

L-Unjoni qed kull ma jmur tikseb rwol dejjem akbar fil-bini tal-paċi u fiż-żamma tal-paċi, kemm fil-pajjiżi qrib bħal fil-Balkani, u kemm aktar ’il bogħod, l-aktar fl-Afrika. Fl-istess waqt qed tibni sħubijiet attivi u mill-qrib fuq naħa man-Nazzjonijiet Magħquda u fuq in-naħa l-oħra ma’ l-Unjoni Afrikana. 

Aktar qribna, l-Unjoni saret katalista tat-tisħiħ ta’ proġetti ta’ koperazzjoni fir-reġjun, permezz tal-programmi Neighbourhood mal-pajjiżi ġirien. Malta tagħti sehem kontinwu u impenjattiv fis-sħubija Ewro-Mediterranja li s-sena li għaddiet għalqet għaxar snin. 

Irridu naraw din is-sħubija tiskopri aktar il-potenzjal li jeżisti fil-Mediterran għall-proġetti ta’ koperazzjoni mhux biss fl-oqsma ekonomiċi u soċjali, iżda wkoll fl-oqsma politiċi u ta’ sigurtà. F’dan l-ispirtu, nilqgħu d-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-Summit ta’ l-għaxar Anniversarju tal-proċess Ewro-Mediterranju li f’Novembru li għadda nieda Programm ta’ Ħidma għal Ħames Snin. Dan il-programm jinkludi proposti biex nindirizzaw sfidi bħat-terroriżmu, ir-riformi politiċi u ekonomiċi u l-migrazzjoni. 

Nilqgħu u ninkoraġġixxu wkoll ir-rwol attiv dejjem jikber ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Lvant Nofsani bħala membru tal-Kwartett. Il-ftehim riċenti dwar Rafah wera kif fil-prattika dan ir-rwol hu utli u effettiv. Hemm bżonn ħafna aktar minn dawn l-arranġamenti biex jinħoloq l-ambjent stabbli li hemm bżonn biex il-proċess ta’ paċi jkun jista’ jikber. 

Il-paċi fil-Palestina tista’ tinkiseb biss jekk tissejjes fuq deċiżjonijiet politiċi tat-tmexxija Iżraeljana u Palestinjana li jkunu kemm kuraġġużi kif ukoll diffiċli u li jkunu konformi mar-Road Map. Id-deċiżjonijiet li wasslu u li akkumpanjaw l-irtirar riċenti tal-forzi Iżraeljani minn Gaza huma pass ewlieni sinifikattiv. 

Malta hi ħabiba ta’ ħafna snin kemm ta’ Iżrael u tal-Palestinjani. Hu għalhekk li Malta hi determinata li jkollha rwol kemm jista’ jkun attiv u kostruttiv biex tassigura li l-Unjoni Ewropea żżomm politika bilanċjata dwar il-konflitt Iżraeli-Palestinjan. Nemmnu li b’hekk biss l-Unjoni tista’ tkun pont ta’ djalogu għaz-żewġ partijiet fiż-żminijiet ta’ sfida li m’hemmx dubju għad għandna quddiemna. 

L-aktar sfida immedjata hi l-elezzjonijiet Parlamentari fil-Palestina u l-bżonn għal koperazzjoni bejn kull min hu kkonċernat, inkluż l-Iżrael, biex l-elezzjonijiet jirnexxu. 

It-tisħiħ u l-penetranza tar-rwol globali u reġjonali ta’ l-Unjoni jirrifletti l-vitalità interna tagħha. Din l-aħħar sena kienet partikolarment iebsa fil-kuntest intern. Kellna nilħqu sensiela ta’oġġettivi importanti. Minkejja d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li ltqajna magħhom, ilħaqna hafna minn dawn l-oġġettivi. 

Id-diżappunt li kellna hu dwar il-Kostituzzjoni proposta Ewropea. Kulħadd ħadem ħafna fl-isforz biex jinbena abbozz ta’ Kostituzzjoni. Minkejja xi dgħjufijiet, ħafna minna qiesu dan l-abbozz bħala pass meħtieġ biex jitkompla l-proġett Ewropew. Hu ta’ sodisfazzjon għalija li l-Parlament Malti f’Lulju qabel b’mod unanimu li jissieħeb ma’ tnax-il pajjiż membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea li kienu digà rratifikaw l-abbozz. Ir-referenda fi Franza u fl-Olanda iżda wrew li għad ma jeżistix konsensus dwar dan is-suggett fil-livell Ewropew. 

F’oqsma importanti oħra ksibna riżultati hafna aktar inkoraġġanti. F’dawn l-aħħar xhur l-Unjoni ħadet deċiżjonijiet importanti ħafna dwar it-tkabbir fil-futur. Nittammaw li f’terminu medju u fit-tul dawn id-deċiżjonijiet ikollhom effett importanti ta’ stabbilità u progress fir-reġjun tal-Balkani, hekk kif kellu t-tkabbir fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fil-Mediterran. 

Il-ftehim dwar il-finanzi ta’ l-Unjoni għas-snin 2007 sa l-2013 kien żvilupp pożittiv ħafna li jibgħat messaġġ pożittiv u b’saħħtu liċ-ċittadini Ewropej kollha. Hu ta’ sodisfazzjon għalina li l-perspettivi finanzjarji l-ġodda għal darb’oħra huma ispirati mill-ispirtu ta’ solidarjetà li kien il-qawwa kruċjali li għaqqdet l-Unjoni minn mindu twaqqfet. Hu car li l-ftehim hu ta’ importanza u sinifikat partikolari għall-għaxar stati membri l-ġodda, inkluża Malta, għax issa nistgħu niffukaw fuq il-proċessi dettaljati u kumplessi li għandna bżonn biex nidentifikaw dawk il-proġetti u l-inizjattivi li se jkomplu jittrasformaw ’il pajjiżna billi jtejbu l-kwalità tal-ħajja. 

Internament, matul is-seba’ snin li ġejjin, l-Unjoni se tkompli tgħaddi riżorsi sinifikanti tagħha lil reġjuni ifqar. Esternament se jkollha biex tonora l-impenji tagħha fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp kemm mal-pajjiżi ġirien u dawk aktar ’il boghod.

Bil-perspettivi finanzjarji l-ġodda, Malta se tibqa’ pajjiġ b’Oġġettiv ta’ Konverġenza għas-seba’ snin li jmiss. Dan jiggarantixxi fondi sostanzjali ta’ aktar minn 800 miljun ewro għall-perjodu kollu. Dawn il-fondi se jissarrfu fl-akbar nefqa fl-ambjent u fl-infrastruttura fl-istorja ta’ Malta, naturalment se jkunu dħul vitali għall-aħħar għall-programm fit-tul għall-iżvilupp ekonomiku tagħna. 

Il-fondi reġjonali u ta’ adeżjoni ta’ l-Unjoni qed jgħinu t-tlestija ta’ xogħlijiet ambjentali u infrastrutturali kbar li għandna nlestu fis-snin li ġejjin. Il-parti l-kbira tal-proġetti rilevanti taħt il-Programm ta’ Fondi Strutturali 2004-2006, huma f’xi stadju jew ieħor ta’ tlestija. Dawn il-proġetti jinkludu programm ta’ titjib sostanzjali fit-toroq li hu wkoll parzjalment imħallas mill-Ħames Protokoll Taljan, xogħlijiet estensivi fit-tmexxija u r-rimi ta’ l-iskart,  investiment fis-settur produttiv, partikolarment fil-wirt kulturali, u investiment f’miżuri li jkattru l-impjiegi u t-taħriġ. 

Fil-perjodu finanzjarju li jmiss, waqt li se nkomplu nappoġġjaw bis-sħiħ l-investiment fl-intrapriża, fit-trasport, fl-ambjent, fit-turiżmu u f’infrastruttura oħra, xi fondi ta’ l-Unjoni se jintużaw ukoll biex ngħinu qasam importanti ieħor ta’ l-istrateġija tagħna għall-iżvilupp nazzjonali – it-tkomplija tal-modernizzazzjoni u r-riforma tas-settur edukattiv tagħna. Malta għandha sistema edukattiva ta’ kwalità għolja u bix-xieraq li kburin biha. Minbarra l-mertu personali, l-edukazzjoni hi l-aqwa għodda politika għall-iżvilupp kemm ta’ l-ekonomija kif ukoll tas-soċjetà kollha. 

L-investiment li qed nippjanaw għal dan is-settur jinkludi programm ambizzjuż ta’ rranġar ta’ l-iskejjel kollha ta’ l-Istat biex jinbidlu fi skejjel moderni. Ma’ dan ukoll hemm proġetti ta’ investiment kapitali fl-Università u fil-Kulleġġ Malti dwar l-Arti, Xjenza u Teknoloġija. 

L-edukazzjoni, flimkien mas-sistemi ta’ ħarsien soċjali u saħħa, tgħin biex nassiguraw li l-kwalità tal-ħajja Maltija tkun tqabbel tajjeb ma’ tal-ġirien Ewropej tagħna. Qegħdin fil-ħin biex nagħtu lis-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna mbuttatura sinifikanti bil-ftuħ ta’ l-isptar Mater Dei f’Lulju 2007. 

Dawn il-proġetti jeħtieġu sostenn kontinwu minn ekonomija b’saħħitha u dinamika. Din qed turi sinjali qawwija ta’ tkabbir.

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ l-2005, f’termini reali l-ekonomija kibret b’1.7% fuq l-istess żmien is-sena ta’ qabel. Fl-istess żmien l-investiment żdied b’6.5%. 

In-nies tirreġistra għax-xoghol fl-ewwel żewġ partijiet tar-reġistru tal-qiegħda naqset għal 5% ta’ dawk li jistgħu jaħdmu. Din hi waħda mill-aktar rati baxxi li kellna f’dawn l-aħħar għaxar snin u tqabbel tajjeb ħafna mal-medja Ewropea. 

L-inflazzjoni kif titkejjel mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet bl-Imnut issa laħqet it-2.2%, l-istess bħall-medja Ewropea. 

Is-setturi produttivi ta’ l-ekonomija sejrin tajjeb. Id-dħul mit-turiżmu żdied b’1.3% u minn setturi oħra tas-servizzi bi 2.7%. Minn naħa l-oħra, kif konna qed nistennew, ma ħassejniex attività ekonomika aggressiva f’setturi relatati mal-manifattura kif ukoll l-enerġija u l-ilma – konsegwenza diretta tal-prezz taż-żejt. 

Żdied il-volum ta’ l-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tagħna, iżda minħabba pressjonijiet fuq il-prezzijiet dawn ġabu dħul nett iċken. 

F’April tas-sena li għaddiet ħabbarna l-pjan tagħna li Malta tadotta l-Ewro fl-1 ta’ Jannar 2008. Għamilna hekk minħabba l-wirja sostnuta ta’ l-ekonomija, anke s-suċċess kontinwu tal-pjan tagħna għall-konverġenza li permezz tiegħu, id-deficit tal-Gvern se jinżel taħt it-3% fl-2006. 

L-għan ewlieni tagħna jibqa’ li nkomplu l-iżvilupp ta’ Malta biex tkun mogħnija b’soċjetà rikka, effiċjenti u umana msejsa fuq prinċipji ta’ ggvernar demokratiku, legalità u ġustizzja soċjali u mnebbħa bi spirtu ta’ impenn u sħubija internament u wkoll fil-komunità usa’ internazzjonali. 

F’dan l-ispirtu, nistenna li fix-xhur li ġejjin naraw aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni produttiva bejn il-pajjiżi tagħna. 

Qabel nagħlaq, nixtieq insellmilkom mill-ġdid u nagħtikom l-isbaħ xewqat bl-awgurju li l-isforzi komuni tagħna jgħinu biex inkomplu nikkonsolidaw ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejnietna u nsostnu l-għan kollettiv tagħna li nippromwovu s-sliem, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow