Rapport dwar il-Ħidma u l-Attivitajiet ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika 2005
L-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Anton Tabone, ir-Rapport Annwali dwar il-Ħidma u l-Attivitajiet ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għas-sena 2005.
Ir-rapport jibda billi jagħti tagħrif għall-qafas leġislattiv fit-twaqqif ta’ l-NAO. Ir-rapport jiddeskrivi l-istruttura ta’ l-Uffiċċju u d-diversi tipi ta’ xogħlijiet ta’ verifika li jsiru. Dawn huma relatati sew ma’ verifika ta’ Regolarita’, verifika fuq l-effettivita’, l-effiċjenza u l-ekonomija ta’ ċerti attivitajiet governattivi, u każijiet ta’ verifika speċifiċi li jkunu twettqu f’isem il-Kumitat Permanenti Dwar il-Fondi Pubbliċi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Ir-Rapport jiddeskrivi b’mod prominenti r-relazzjonijiet li għandu l-Uffiċċju mal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-iżjed fejn jidħol il-Kumitat Permanenti Dwar il-Fondi Pubblici. Dan il-Kumitat, li huwa wieħed mill-Kumitati Permanenti tal-Kamra, jeżamina r-rapporti tal-Awditur Ġenerali. Kumitat Permanenti ieħor, dak dwar il-Kontijiet ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, kien twaqqaf bil-ligi ta’ l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Dan il-Kumitat jeżamina l-estimi tal-baġit li l-Awditur Ġenerali jħoss li jkollu bżonn sabiex jilħaq il-mandat ta’ l-uffiċċju tiegħu. Il-Kumitat jappunta wkoll awditur indipendenti u kwalifikat biex jivverifika l-kontijiet tal-NAO.
Ir-rapport jagħmel referenza ukoll għall-Kodiċi ta’ Etika ta’ l-NAO u l-linji ta’ gwida li bihom il-membri ta’ l-Uffiċċju jwettqu xogħolhom. Jagħti dettalji wkoll dwar kif huwa organiżżat l-NAO, iħares lejn l-iżviluppi li kien hemm f’dak li hu ċaqliq ta’ l-istaff, kwalifiċi, reklutaġġ u taħriġ f’Malta kif ukoll barra. Hemm ukoll tagħrif dwar il-ħidma li qed iwettaq biex issaħħaħ il-funzjoni ta’ lnformazzjoni Teknoloġika fi ħdan l-NAO.
Ir-relazzjonijiet bi-laterali u multi-laterali internazzjonali ta’ l-Uffiċċju ma’ Istituzzjonijiet Supremi ta’ Verifika u organizzazzjonijiet oħra barranin huma wkoll spjegati fid-dettal f’dan ir-Rapport. Dan fih wkoll informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha li fihom ipparteċipa l-NAO, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta.
L-Awditur Ġenerali jirraporta li ngħata l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet li talab fit-twettiq ta’ ħidmietu. Jgħid ukoll li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ġab miegħu sa ċertu punt, diversi bidliet, żviluppi kif ukoll sfidi ġodda. Jirrikonoxxi wkoll il-kontribut u d-dedika tal-impjegati kollha għall-assistenza tagħhom fit-twettieq tal-mandat tiegħu.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950