Ippubblikati emendi fir-regolamenti li jirregolaw il-kummerċ
“Emendi fl-Avviż Legali li jirregola l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji u l-kundizzjonijiet ta’ min huwa liċenzjat biex imexxi negozju huwa mistenni li jiffaċilitaw il-mod ta’ kif isir il-kummerċ f’pajjiżna.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret il-bieraħ li fiha ħabbar emendi li saru fit-Trade Licences Act u fit-Trade Licences Regulations.
L-Onor. Vassallo qal li “minkejja li għaddew biss tliet snin minn meta ġiet ippubblikata t-Trade Licences Act u t-Trade Licences Regulations, u wara laqgħat ta’ konsultazzjoni mas-settur kummerċjali u ma’ l-għaqdiet li jirrappreżentaw lil min qiegħed fil-kummerċ, ressaqna emendi għall-approvazzjoni tal-Parlament għat-Trade Licences Act, u l-emendi kif approvati ġew ippubblikati nhar it-23 ta’ Diċembru 2005.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ressaq ukoll għall-approvazzjoni tal-Kabinett proposti għal emendi għat-Trade Licences Regulations, li kif approvati, gew ippubblikati nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, 2006.
Fost l-emendi li saru, dawn l-emendi li qegħdin jiġu trattati b’mod ġenerali hawnhekk huma fost l-iżjed importanti.
Emendi li jittrattaw il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzja:
L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa li jiffaċilitaw il-proċess ta’ l-applikazzjoni, l-ħruġ tal-liċenzji u l-ġbir ta’ l-arrettrati.
· Jiġi mħaffef aktar il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzja tan-negozju.
· Bidla fl-attivita` kummerċjali ser tiġi meqjusa bħala tali kull meta jkun hemm bidla fil-permess tal-MEPA u mhux aktar bħala bidla bejn it-tipi u l-kategoriji ta’ l-attivitajiet kummerċjali.
· Ġie iżjed iċċarat id-dritt li sid il-kera għandu li japprova kull applikazzjoni li ssir mill-inkwilin, kemm jekk għal negozju ġdid, kif jekk għal trasferiment, kif ukoll jekk biex iħassar il-liċenzja.
· Kull rifjut għal applikazzjoni li ssir għand it-Trade Licensing Unit ser tibda tingħata bil-miktub.
· Jekk wara tliet xhur mill-applikazzjoni għall-ħruġ tal-liċenzja tan-negozju dik l-applikazzjoni ma tinġabarx u ma titħallasx, dik l-applikazzjoni għandha tkun ikkanċellata u ma tibqax pendenti.
· Qed jiġi speċifikament imsemmi li ma jistax isir negozju fiż-żona ta’ Bieb il-Belt.
· Qed jiġi ntrodott regolament li buskers li jbiegħu prodotti, jridu japplikaw għal liċenzja tan-negozju.
· Issimplifikat il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzja tan-negozju għal min jaħdem f’żona industrijali.
· Min ma jħallasx liċenzja tan-negozju ser jibda jkun meqjus ħati tal-ksur tal-regolamenti tal-liġi u jitressaq il-qorti wara li jkun intbagħtlu l-aħħar avviż.
Emendi dwar ħinijiet tan-negozju:
L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa li biex filwaqt li jibqgħu iżommu l-prinċipju li nhar ta’ Ħadd in-negozju jkun limitat, qiegħed ikun estżz il-ħin ta’ ftuħ għal ċertu setturi u b’ċertu kundizzjonijiet.
· Il-possibilta` li negozju jiftaħ nhar ta’ Ħadd u festi pubbliċi għal dak li huwa kkunsidrat bħala bejgħ tal-Milied ġie estiż mill-1 ta’ Novembru, biex issa kull negozju jista’ jiftaħ nhar ta’ Ħadd jew festa pubblika mill-1 ta’ Novembru sas-7 ta’ Jannar.
· Ħwienet tal-merċa (grocers, kod. 52.27) li fiż-żoni turistiċi kellhom il-possibilta` li jiftħu għan-negozju skond roster ippubblikata mit-TLU skond l-applikazzjonijiet li jidħlu, issa għandhom il-possibbilta` li mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Ottubru jifthu fil-Ħdud u fil-festi, bil-kundizzjoni li n-negozji jkunu ta’ daqs sa 350 metru kwadru.
· Ġiet estiża l-possibilta` ta’ fiera kummerċjali f’siti (premises) kummerċjali. Dan jista’ jsir fuq applikazzjoni għand it-TLU, fuq ħlas ta’ LM300. B’hekk, negozju jkun jista’ jorganizza fiera kummerċjali għal sebat ijiem konsekuttivi li jinkludu l-Ħdud u l-festi.
· Ġiet estiża l-iskeda ta’ prodotti li jistgħu jinbiegħu miż-żoni turistiċi.
Emendi dwar regolamenti dwar ftuħ ta’ catering establishments:
Permezz ta’ din l-emenda, il-Pulizija ser tkun f’pożizzjoni aħjar biex tikkontrolla l-abbużi li jsiru minn dawk li tingħatalhom liċenzja biex jibqgħu miftuħa għan-negozju mis-1.00 sa l-4.00, filwaqt li dawk in-negozji li tingħatalhom din il-liċenzja jkunu jafu a ħjar xínhu mistenni minnhom.
· Ma’ l-applikazzjoni għall-‘extension of time’ li ssir minn negozju għand it-TLU, ser jibda jkun mitlub in-‘No Objection’ minn naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija.
· Daqq tal-mużika jista’ jibqa’ sejjer sal-11.00pm. Sabiex negozju jkun jista’ jibqa’ jdoqq wara l-11.00pm, in-negozju jrid ikollu liċenzja għad-daqq ta’ amplified music maħruġa mill-MTA, u fl-ebda ċirkustanza ma tista’ tinstema’ minn barra, daqq ta’ mużika wara s-1.00am. Fl-ebda ċirkustanza ma jista’ jsir daqq ta’ mużika bejn l-4.00 am u d-9.00 am ta’ l-istess ġurnata.
· Il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed jingħata s-setgħa li jissospendi l-liċenzja tan-negozju għall-perjodu ta’ mhux aktar minn 15-il ġurnata jekk ikun hemm ksur ta’ dawn ir-regolamenti mill-operatur tan-negozju.
· Jekk negozju, wara l-11.00pm jinstab li għadu qiegħed idoqq il-mużika, dak in-negozju jista’ jintalab mill-Pulizija biex jieqaf, u jekk ma jieqafx jista’ jintalab ukoll mill-Pulizija biex jagħlaq dak il-ħin stess.
· Jekk ikun hemm rapporti rigward ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet, it-TLU tista’ tirrevoka b’mod permanenti l-liċenzja li ħanut jista’ jibqa’ miftuħ bejn is-1.00am u l-4.00am.
Din hija informazzjoni li qed tingħata b’mod ġenerali u wieħed irid jara l-Avviż Legali, li gie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern u li huwa disponibbli wkoll fuq il-‘web-site’ tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni: www.doi.gov.mt taħt Avviżi Legali (Trading Licence (Amendment) Regulations LN 1 of 2006).
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm billi qal li “dawn l-emendi huma kontinwazzjoni fil-proċess ta’ simplifikazzjoni ta’ proċeduri, maħsub biex jiffaċilita l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji għal start-ups, u trasferimenti ta’ negozji.”
“Qiegħed ikun aktar iċċarat id-dmir li kull min qiegħed imexxi negozju, kemm jekk f’sit, kif ukoll jekk fiera kummerċjali, jrid ikollu liċenzja tan-negozju; jekk le, dan ikun qiegħed jikser il-liġi. Dawn l-emendi saru wkoll mhux biss wara konsultazzjoni u bi qbil mar-rappreżentanti tal-partijiet kollha kkonċernati, iżda saru wkoll biex nadattaw il-kundizzjonijiet tan-negozju tagħna mal-ħtiġijiet tal-konsumatur tal-lum.”
“Permezz ta’ dawn l-emendi, dawn ir-regolamenti, minkejja li qegħdin nilliberalizzaw in-negozju, ma naċċettawx li jkollna libertinaġġ. Il-Gvern qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex iżomm is-suq regolarizzat b’regolamenti li jitolbu responsabbilta`. Libertinaġġ fil-kummerċ qatt m’hu aċċettat u għaldaqstant ser ikun aċċertat li għal dawn ix-xahrejn ser ikunu organizzati laqgħat għal setturi differenti tan-negozju biex dawn l-emendi jkunu spjegati aktar fid-dettall. Nistenna li permezz ta’ dawn l-emendi l-kummerċ f’pajjiżna jikber u joħloq aktar impjiegi filwaqt li jaqdi aħjar lill-konsumatur.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950