Left arrow Go Back

Ippubblikati emendi fir-regolamenti li jirregolaw il-kummerċ

pr0028
Date Icon 11/01/2006

“Emendi fl-Avviż Legali li jirregola l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji u l-kundizzjonijiet ta’ min huwa liċenzjat biex imexxi negozju huwa mistenni li jiffaċilitaw il-mod ta’ kif isir il-kummerċ f’pajjiżna.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret il-bieraħ li fiha ħabbar emendi li saru fit-Trade Licences Act u fit-Trade Licences Regulations.   

L-Onor. Vassallo qal li “minkejja li għaddew biss tliet snin minn meta ġiet ippubblikata t-Trade Licences Act u t-Trade Licences Regulations, u wara laqgħat ta’ konsultazzjoni mas-settur kummerċjali u ma’ l-għaqdiet li jirrappreżentaw lil min qiegħed fil-kummerċ, ressaqna emendi għall-approvazzjoni tal-Parlament għat-Trade Licences Act, u l-emendi kif approvati ġew ippubblikati nhar it-23 ta’ Diċembru 2005.”   

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ressaq ukoll għall-approvazzjoni tal-Kabinett proposti għal emendi għat-Trade Licences Regulations, li kif approvati, gew ippubblikati nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, 2006. 

Fost l-emendi li saru, dawn l-emendi li qegħdin jiġu trattati b’mod ġenerali hawnhekk huma fost l-iżjed importanti.

Emendi li jittrattaw il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzja: 

L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa li jiffaċilitaw il-proċess ta’ l-applikazzjoni, l-ħruġ tal-liċenzji u l-ġbir ta’ l-arrettrati.

·     Jiġi mħaffef aktar il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzja tan-negozju.

·     Bidla fl-attivita` kummerċjali ser tiġi meqjusa bħala tali kull meta jkun hemm bidla fil-permess tal-MEPA u mhux aktar bħala bidla bejn it-tipi u l-kategoriji ta’ l-attivitajiet kummerċjali.

·     Ġie iżjed iċċarat id-dritt li sid il-kera għandu li japprova kull applikazzjoni li ssir mill-inkwilin, kemm jekk għal negozju ġdid, kif jekk għal trasferiment, kif ukoll jekk biex iħassar il-liċenzja.

·     Kull rifjut għal applikazzjoni li ssir għand it-Trade Licensing Unit ser tibda tingħata bil-miktub.

·     Jekk wara tliet xhur mill-applikazzjoni għall-ħruġ tal-liċenzja tan-negozju dik l-applikazzjoni ma tinġabarx u ma titħallasx, dik l-applikazzjoni għandha tkun ikkanċellata u ma tibqax pendenti.

·     Qed jiġi speċifikament imsemmi li ma jistax isir negozju fiż-żona ta’ Bieb il-Belt.

·     Qed jiġi ntrodott regolament li buskers li jbiegħu prodotti, jridu japplikaw għal liċenzja tan-negozju.

·      Issimplifikat il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzja tan-negozju għal min jaħdem f’żona industrijali.

·     Min ma jħallasx liċenzja tan-negozju ser jibda jkun meqjus ħati tal-ksur tal-regolamenti tal-liġi u jitressaq il-qorti wara li jkun intbagħtlu l-aħħar avviż. 

Emendi dwar ħinijiet tan-negozju:

L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa li biex filwaqt li jibqgħu iżommu l-prinċipju li nhar ta’ Ħadd in-negozju jkun limitat, qiegħed ikun estżz il-ħin ta’ ftuħ għal ċertu setturi u b’ċertu kundizzjonijiet.

·     Il-possibilta` li negozju jiftaħ nhar ta’ Ħadd u festi pubbliċi għal dak li huwa kkunsidrat bħala bejgħ tal-Milied ġie estiż mill-1 ta’ Novembru, biex issa kull negozju jista’ jiftaħ nhar ta’ Ħadd jew festa pubblika mill-1 ta’ Novembru sas-7 ta’ Jannar.

·     Ħwienet tal-merċa (grocers, kod. 52.27) li fiż-żoni turistiċi kellhom il-possibilta` li jiftħu għan-negozju skond roster ippubblikata mit-TLU skond l-applikazzjonijiet li jidħlu, issa għandhom il-possibbilta` li mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Ottubru jifthu fil-Ħdud u fil-festi, bil-kundizzjoni li n-negozji jkunu ta’ daqs sa 350 metru kwadru.

·     Ġiet estiża l-possibilta` ta’ fiera kummerċjali f’siti (premises) kummerċjali.  Dan jista’ jsir fuq applikazzjoni għand it-TLU, fuq ħlas ta’ LM300.  B’hekk, negozju jkun jista’ jorganizza fiera kummerċjali għal sebat ijiem konsekuttivi li jinkludu l-Ħdud u l-festi.

·     Ġiet estiża l-iskeda ta’ prodotti li jistgħu jinbiegħu miż-żoni turistiċi. 

Emendi dwar regolamenti dwar ftuħ ta’ catering establishments:

Permezz ta’ din l-emenda, il-Pulizija ser tkun f’pożizzjoni aħjar biex tikkontrolla l-abbużi li jsiru minn dawk li tingħatalhom liċenzja biex jibqgħu miftuħa għan-negozju mis-1.00 sa l-4.00, filwaqt li dawk in-negozji li tingħatalhom din il-liċenzja jkunu jafu a ħjar xínhu mistenni minnhom.

·     Ma’ l-applikazzjoni għall-‘extension of time’ li ssir minn negozju għand it-TLU, ser jibda jkun mitlub in-‘No Objection’ minn naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija.

·     Daqq tal-mużika jista’ jibqa’ sejjer sal-11.00pm.  Sabiex negozju jkun jista’ jibqa’ jdoqq wara l-11.00pm, in-negozju jrid ikollu liċenzja għad-daqq ta’ amplified music maħruġa mill-MTA, u fl-ebda ċirkustanza ma tista’ tinstema’ minn barra, daqq ta’ mużika wara s-1.00am.  Fl-ebda ċirkustanza ma jista’ jsir daqq ta’ mużika bejn l-4.00 am u d-9.00 am ta’ l-istess ġurnata.

·     Il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed jingħata s-setgħa li jissospendi l-liċenzja tan-negozju għall-perjodu ta’ mhux aktar minn 15-il ġurnata jekk ikun hemm ksur ta’ dawn ir-regolamenti mill-operatur tan-negozju.

·     Jekk negozju, wara l-11.00pm jinstab li għadu qiegħed idoqq il-mużika, dak in-negozju jista’ jintalab mill-Pulizija biex jieqaf, u jekk ma jieqafx jista’ jintalab ukoll mill-Pulizija biex jagħlaq dak il-ħin stess.

·     Jekk ikun hemm rapporti rigward ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet, it-TLU tista’ tirrevoka b’mod permanenti l-liċenzja li ħanut jista’ jibqa’ miftuħ bejn is-1.00am u l-4.00am.  

Din hija informazzjoni li qed tingħata b’mod ġenerali u wieħed irid jara l-Avviż Legali, li gie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern u li huwa disponibbli wkoll fuq il-‘web-site’ tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni: www.doi.gov.mt  taħt Avviżi Legali (Trading Licence (Amendment) Regulations LN 1 of 2006).   

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm billi qal li “dawn l-emendi huma kontinwazzjoni fil-proċess ta’ simplifikazzjoni ta’ proċeduri, maħsub biex jiffaċilita l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji għal start-ups, u trasferimenti ta’ negozji.”   

“Qiegħed ikun aktar iċċarat id-dmir li kull min qiegħed imexxi negozju, kemm jekk f’sit, kif ukoll jekk fiera kummerċjali, jrid ikollu liċenzja tan-negozju; jekk le, dan ikun qiegħed jikser il-liġi.  Dawn l-emendi saru wkoll mhux biss wara konsultazzjoni u bi qbil mar-rappreżentanti tal-partijiet kollha kkonċernati, iżda saru wkoll biex nadattaw il-kundizzjonijiet tan-negozju tagħna mal-ħtiġijiet tal-konsumatur tal-lum.”   

“Permezz ta’ dawn l-emendi, dawn ir-regolamenti, minkejja li qegħdin nilliberalizzaw in-negozju, ma naċċettawx li jkollna libertinaġġ.  Il-Gvern qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex iżomm is-suq regolarizzat b’regolamenti li jitolbu responsabbilta`.  Libertinaġġ fil-kummerċ qatt m’hu aċċettat u għaldaqstant ser ikun aċċertat li għal dawn ix-xahrejn ser ikunu organizzati laqgħat għal setturi differenti tan-negozju biex dawn l-emendi jkunu spjegati aktar fid-dettall.  Nistenna li permezz ta’ dawn l-emendi l-kummerċ f’pajjiżna jikber u joħloq aktar impjiegi filwaqt li jaqdi aħjar lill-konsumatur.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow