IL-ĦIDMA TAL-GVERN FIL-KOTTONERA TISTA’ TMISSHA B’IDEJK
Il-Gvern mhux biss għandu viżjoni ċara għaż-żona tal-Kottonera, iżda qed iwettaq din il-viżjoni b’investiment qawwi fi proġetti kapitali li l-poplu tal-Kottonera diġà qed igawdi minnhom.
Huwa diffiċli għalhekk li wieħed jifhem kif il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ippretenda li jittieħed bis-serjetà meta nhar il-Hadd, f’Bormla qal li l-Gvern ma ħa ebda azzjoni konkreta biex iż-żona tal-Kottonera tiġi riġenerata.
Sa’ mill-1999 ’l hawn, il-Gvern wettaq bosta proġetti kapitali fiż-żona tat-Tliet Ibliet. Dawn jinkludu dar għall-anzjani ġdida, il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-kumpless ġdid ta’ l-Aġenzija Appoġġ, it-twaqqiegħ tal-ħajt tad-Dockyard, it-tiswija tal-moll tal-Isla u r-restawr ta’ swar u tant bini storiku ieħor.
Għalkemm ir-riġenerazzjoni urbana m’hix proċess li wieħed jista’ jgħaġġel, il-proġett innegozzjat u finalizzat minn Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista fl-1999 diġà beda jieħu s-sura u qiegħed iħalli effett fuq l-attività kummerċjali u soċjali tal-Kottonera. L-Onor. Alfred Sant il-Ħadd ma qal xejn dwar il-Casinò di Venezia, ir-restawr tal-Imħażen ta’ Caraffa, l-estensjoni tal-Moll ta’ Sant’ Anġlu u partikolarment it-tlestija tal-yacht marina li llum tat-dimensjoni differenti lid-dehra tal-Kottonera.
Intant, bini ieħor li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni - dak tat-Teżorerija l-Antika – tlesta r-restawr tiegħu u l-attivitajiet kummerċjali diġà qed joperaw ġo fih.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq huwa fiduċjuż li bosta mill-komponenti l-oħra tal-proġett inkluż dak tas-Sea Gate Vaults, diversi żoni f’Sant’ Anġlu kif ukoll il-bini tal-Car Park ta’ Santa Margherita jimmaterjalizzaw fix-xhur li ġejjin.
L-Onor. Alfred Sant għażel li jinjora wkoll in-nefqa diretta li qed ssir mill-Gvern fir-riġenerazzjoni tal-Kottonera. Fl-aħħar tliet snin intefqu mal-Lm400,000 fuq l-estensjoni tal-Moll ta’ Sant’ Anġlu u t-tiswijiet tal-Moll ta’ l-Isla filwaqt li din is-sena l-Gvern ivvota Lm170,000 li ser jintefqu fuq il-landscaping tax-Xatt tal-Birgu.
Dwar il-proġett tal-Baċir Numru 1, waqt iż-żjara tiegħu f’Bormla, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ukoll ipprova jfixkel l-imħuh billi jgħid li l-Gvern qed joħroġ b’verżjonijiet differenti dwar meta għandu jibda’ x-xogħol fuq il-Baċir Numru 1.
Dan il-proġett kien tnieda f’Marzu tas-sena l-oħra u sa mill-bidu ntqal li l-ħsieb tal-Gvern kien li jara x-xogħol jibda fil-bidu tas-sena 2007. Sal-lum dan il-ħsieb għadu ma nbidilx, tant li bħal issa għaddej il-proċess tal-għażla ta’ l-investituri li ser jiżviluppaw dan il-proġett.
Intant, b’referenza għall-kummenti tas-Sindku ta’ Bormla, is-Sur Joe Scerri waqt iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett, ta’ min jgħid li l-brief ta’ dan il-proġett kien tħejja wara perjodu ta’ konsultazzjoni estensiv li kien jinkludi bosta laqgħat mal-pubbliku u entitajiet konċernati, fosthom il-Kunsilli Lokali tat-Tliet Ibliet. Tabilħaqq, tnejn minn dawn il-laqgħat – fid-19 t’Awissu 2004 u fil-5 ta’ Jannar 2005 – kienu saru proprju mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
L-impenn tal-Gvern f’din iż-żona, kollu qiegħed iwassal għal twelid mill-ġdid fil-Kottonera, u dan tixhdu anke ż-żieda fil-prezzijiet ta’ propjetà fil-Birgu u l-madwar. Il-Gvern ser ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu b’aktar proġetti f’din iż-żona biex din ir-riġenerazzjoni tkompli tissaħħaħ – bi proġetti kapitali bħal-landscaping tax-Xatt tal-Birgu li ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin u billi joffri opportunitajiet ġodda għall-investiment privat bħal fil-każ tal-proġett tal-Baċir Numru 1.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950