SEJĦA GĦALL-PROPOSTI TA’ PROĠETTI TAĦT IL-FONDI STRUTTURALI 2004-2006, FOND SOĊJALI EWROPEW, PRIJORITA` 2: L-IŻVILUPP TAN-NIES
Id-Diviżjoni għall-Ippjanar u Ko-ordinazzjoni tal-Prijoritajiet fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħarget sejħa għall-proposti ta’ proġetti taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Dan il-Fond jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali partikolarment il-politika u l-prijoritajiet li għandhom x’jaqsmu max-xogħol u l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali.
Malta sawwret id-Dokument ta` Programmar Individwali għall-perjodu 2004-2006 (dan id-dokument jinsab fuq www.ppcd.gov.mt). Id-Dokument ta’ Programmar Individwali jidentifika l-pjan strateġiku għall-użu tal-Fondi Strutturali. Dan id-dokument huwa msaħħaħ bi Kwota tal-Programm li jispjega u jagħti dettall kif dawn il-prijoritajiet u miżuri għandhom jiġu implementati (l-aħħar verżjoni ta` dan id-dokument tinsab fuq www.ppcd.gov.mt).
Is-sejħa għall-proposti hija ristretta għal dawk il-Miżuri li jaqgħu taħt it-2 Prijorita`, l-Iżvilupp tan-Nies, tad-Dokument ta` Programmar Individwali. Il-fondi allokati għal din is-sejħa taħt kull miżura jlaħħqu għal madwar:
Miżura 2.1 – Żvilupp għall-Opportunitajiet ta` Xogħol u Adattabilita` € 1,250,000
Miżura 2.2 – Ugwaljanza bejn is-sessi € 700,000
Miżura 2.3 – Tagħlim tul il-ħajja u Inklużjoni Soċjali € 500,000
Il-proposti għandhom jaqgħu taħt waħda mill-azzjonijiet eliġibbli għall-fondi. Dawn huma stipulati taħt kull miżura kif spjegat fil-Kwota tal-Programm. Sezzjoni 1.1 tal-linji Gwida għall-Applikazzjoni tagħti informazzjoni dwar liema proġetti huma eliġibbli għall-fondi. Lista ta` benefiċjarji finali li jistgħu japplikaw għall-proġetti taħt dawn il-miżuri tinsab fil-Kwota tal-Programm. Sezzjoni 1.1.3 tal-linji gwida jagħtu tagħrif dwar dawk li jistgħu japplikaw u jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Applikazzjonijiet, annessi u linji gwida jinsabu fuq http://www.ppcd.gov.mt/english/links/main.htm taħt is-sezzjoni ta` l-Applikazzjonijiet. Il-linji gwida għandhom iservu ta’ għajnuna fil-preparazzjoni ta’ l-applikazzjoni.
Id-dokument li jintuża sabiex jingħataw il-punti fuq proġetti proposti jinsab f’Anness 4 (Sezzjoni 4.3) tal-Manwal tal-Proċeduri. Il-Manwal tal-Proċeduri jinsab fuq http://www.ppcd.gov.mt/english/sf/main.htm
Is-sejħa tagħlaq f’nofsinhar tad-9 ta’ Frar 2006. Dettalji dwar is-sottomissjonijiet tal-proposti tal-proġetti jistgħu jinkisbu minn sezzjoni 1.2 tan-noti ta` gwida. Aktar informazzjoni tista` tinkiseb billi tintbagħat e-mail fuq dan l-indirizz: info@ppcd.gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950