Left arrow Mur Lura

Konferenza Stampa mogħtija mill-Onor. Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dwar l-Att XXII ta’ l-2005 – Att dwar Azzjonijiet Ġudizzjarji (Miżuri Varji)  u xogħol fil-Qrati tal-Ġustizzja – Valletta

pr0012
Date Icon 06/01/2006

Kif kien tħabbar fil-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef”, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern kien ippropona li tiġi ntrodotta proċedura iktar sempliċi fil-Qrati tagħna.  F’dak id-dokument konna għidna li l-formola taċ-ċitazzjoni tispiċċa u minflokha tiġi ntrodotta dik tar-rikors.  Ir-rikors huwa strument legali ferm iktar faċli sabiex jitħaddem u jnaqqas ferm il-burokrazija li kellna qabel, bil-formola taċ-ċitazzjoni. 

Din il-proposta ġiet approvata fl-aħħar tas-sena li għaddiet mill-Parlament tagħna u hija llum parti sħiħa mill-Att XXII ta’ l-2005.  Din il-liġi ser tidħol fis-seħħ mis-16 ta’ Jannar 2006 u permezz tagħha, l-proċeduri ser issa jsiru b’rikors ġuramentat li qed jidħol flok iċ-ċitazzjoni.  B’hekk issa m’hemmx bżonn żewġ dokumenti, jiġifieri l-formola taċ-ċitazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-fatti, iżda dokument legali wieħed, li fih hemm żewġ affarijiet integrati f’waħda.  Ma’ dan il-pass importanti ħafna, qed tiġi fis-seħħ parti oħra mill-pakkett ta’ riformi li ġew imnedija u mplimentati minnha. 

F’din il-liġi għalhekk ġew emendati l-artikoli kollha tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u tal-Kodiċi tal-Kummerċ fejn tissemma’ ċ-ċitazzjoni.  Ser jidħlu fis-seħħ ukoll numru ta’ miżuri oħra li huma dawn:

L-Ewwel: B’emendi li saru fil-Kodiċi Kriminali, mis-16 ta’ Jannar 2005 mhux ser isiru iktar inkjesti maġisterjali fejn jidħlu rapporti ta’ allegazzjoni ta’ serq ta’ elettriku.  Mhux biss, iżda li dawn jittieħdu wara li ssir kwerela da parti tal-Korporazzjoni Enemalta.  Din il-miżura ser tfisser li issa ser jonqsu drastikament: a) l-inkjesti maġisterjali li qed jiżdiedu kull sena; u

b) li ser innaqqsu wkoll il-kawżi kriminali fuq dawn it-tipi ta’ reati, li ta’ kull sena jidħlu b’ċertu ammonti fil-Qrati tal-Maġistrati; u

c) il-Qorti Kriminali ser tara tnaqqis ta’ bejn mija u mija u għoxrin elf lira fi spejjeż peritali li jsiru in konnessjoni ma’ dawn it-tipi ta’ reati.   

Dan huwa pass ieħor importanti li ġie mħabbar fl-aħħar tas-sena li għaddiet fid-diskors  tal-Budget. 

It-Tieni, li b’emenda li ġiet introdotta fil-Kodiċi Ċivili ser issa jkun permess li t-titoli eżekuttivi ta’ l-ittra uffiċjali li daħlu fis-seħħ fuq il-kambjali u l-ittri uffiċjali għal debiti taħt il-Lm5,000 ser ikunu jistgħu jiġu iskritti bħala ipoteki legali.  Dan qiegħed isir għax tant kellna ittri uffiċjali eżekuttivi tul dawn l-aħħar sentejn, li qam il-bżonn li dan jiġi ntrodott u mplimentat. 

It-Tielet, li b’emenda oħra li saret, kawżi sabiex jattakkaw il-validità ta’ rendikonti ta’ amministrazzjoni ġewwa l-kondominji, flok isiru fil-Qorti issa ser jibdew isiru fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ.  Dan ukoll qiegħed isir wara li s-sena l-oħra daħħalna fis-seħħ il-miżura li biha, kull kwistjoni li hija marbuta ma’ kondominji, issir fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ.  Ma kienx qiegħed jagħmel sens li l-vantaġġ taċ-Ċentru, għalkemm kien disponibbli għal diversi ħwejjeġ oħra, baqa’ mhux disponibbli f’każijiet ta’ rendikonti ta’ amministrazzjoni. 

Ir-Raba’, daħlu fis-seħħ numru ta’ emendi fl-Att dwar l-Arbitraġġ li ser jagħmlu l-ħajja iktar faċli hemm ġew, speċjalment f’każijiet ta’ inċidenti tat-traffiku.  Issa huwa possibbli li jiġu nominati kuraturi għan-nom ta’ nies assenti; u t-tieni, li qed jiġi permess l-intervent ta’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni u persuni oħra li jista’ jkollhom interess f’każ li jieħdu sehem fl-arbitraġġ partikolari. 

Dawn huma kollha miżuri li għandhom jissudaw dak li sar fl-aħħar sentejn ta’ din l-amministrazzjoni.  Fil-fatt, irrid nirreġistra magħkom żieda qawwija fix-xogħol ġudizzjarju u fil-Qorti.  Dan qed jidher f’numru ta’ setturi.  B’mod partikolari, wieħed jista’ jinnota dan fl-ittri uffiċjali. 

i)Dan qed jingħad għax fis-sena 2004 kellna 12,271 ittra uffiċjali preżentata, filwaqt li fis-sena 2005 ġew preżentati 15,521 ittra uffiċjali.  Dan ifisser żieda ta’ 26%.
ii)Irid jingħad ukoll li fl-ittri uffiċjali eżekuttivi fuq il-kambjala, mit-382 li ġew ippreżentati fis-sena 2004, fis-sena 2005 ġew ippreżentati 590.  Dan ifisser li f’dawn is-sentejn kellna 972 persuna li ħadet sentenza fi żmien qasir ta’ ġimgħatejn/xahar.
iii)Interessanti wkoll li fuq l-ittri uffiċjali eżekuttivi għal debiti ta’ taħt il-Lm5,000, fis-sena li għaddiet ġew ippreżentati 1,429, jiġifieri volum ta’ 25% tal-kawżi li soltu jiġu preżentati l-Qorti.
iv)L-istess għandu jingħad għax-xogħol li issa daħal fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, fejn mit-30 każ li kellna fis-sena 2004, is-sena l-oħra – dejjem frott ir-riformi li saru – tlajna għall-figura ta’ 350.

Fil-fatt fis-sena 2005, jekk wieħed jara l-kawżi li ġew preżentati u l-ittri uffiċjali eżekuttivi jsib li kien hemm 7,140 każ li b’xi mod tressaq quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Qrati tal-Maġistrati, Tribunali għal Talbiet Żgħar u ċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ - jiġifieri żieda ta’ 40% fuq dak li kellna fis-sena ta’ qabel.   

L-effett ta’ dan kollu ma kienx ta’ żieda fil-kawżi pendenti iżda ta’ tnaqqis.  Fil-fatt, minkejja li żdied ix-xogħol, rajna li fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili l-kawżi pendenti mis-sena 2004 għas-sena 2005 naqsu minn 8,251 għal 7,092.  Dawk quddiem il-Qrati tal-Maġistrati, minn 1,725 naqsu għal 1,416 u dawk tat-Tribunali għal Talbiet Żgħar naqsu minn 2,178 għal 1,843.  Dan ifisser li quddiem dawn it-Tribunali, minn 12,154 issa nżilna għal 10,351, jiġifieri tnaqqis ta’ 12%. 

Dawn huma riżultati nkoraġġanti li jkomplu jissodawna f’din il-ħidma mportanti sabiex is-settur tal-Ġustizzja jitjieb.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow