Left arrow Go Back

PROĊESS TA’ RISTRUTTURAZZJONI FIL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA

pr0008
Date Icon 05/01/2006

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta dalgħodu żar xogħol ta’ tindif li qed jitwettaq fil-Forti Sant’Anġlu, qal li l-proċess biex is-Soprintendenza tal-Patrimonju Kulturali tmur fil-Forti Sant’Anġlu hi parti minn proċess akbar ta’ ristrutturazzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura. Hu qal li matul is-sena li għaddiet ġiet ristrutturata b’mod radikali l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, iċ-Ċentru għar-Restawr f’Bighi ġie amalgamat f’Heritage Malta, u beda l-proċess ta’ ristrutturazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li issa nbeda proċess biex il-Forti Sant’Anġlu jiġi riabilitat ħalli jkun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku bħala attrazzjoni ewlenija fil-Port il-Kbir. Hu qal li din il-fortizza storika għandha l-potenzjal li tkun kalamita li tiġbed turisti lejn il-Kottonera. Hu fakkar li bħalissa tmienja fil-mija biss tat-turisti li jżuru Malta jmorru fil-Kottonera. Hu qal li dan żgur ma jirriflettix il-potenzjal kulturali u storiku tat-tlitt ibliet. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-proġett qed isir b’kollakorazzjoni mal-Unit tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura u għandu l-appoġġ u l-għajnuna tal-Cottonera Waterfront Group, wieħed mill-konsorzji li qed iwettaq l-proġett tal-Kottonera. Hu qal li bħalissa qed isir it-tindif tal-post mit-taqsima tal-Beach Cleaners fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura filwaqt li l-inġenji ġew provduti mill-Cottonera Waterfront Group. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-proġett hemm involuti wkoll il-Fondazzjoni Wirt Artna u s-Soprintendenza tal-Patrimonju Kulturali  li fil-ġejjieni se tkun ibbażata fil-Forti Sant’Anġlu. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti f’dawn l-aħħar snin wettaq diversi proġetti biex jirriabilita u jirrestawra bini storiku f’dawn l-inħawi bl-iskop li l-Kottonera wkoll tgawdi mill-ġid li jħalli s-settur turistiku. Hu qal li l-proġett tal-Kottonera wassal biex inbniet yacht marina li ġiet inawgurata dan l-aħħar mill-Majestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta, ġie restawrat il-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni li nbidel f’casino’, ġew restawrati l-imħażen li anke ospitaw wirja importanti dwar ix-xogħlijiet ta’ Caravaggio, inbena blokk ta’ appartamenti, issewwa u tkabbar il-moll taħt il-Forti Sant’Anġlu, twaqqa’ bini li kien ikerraħ il-Forti Sant’Anġlu, issaħħet l-infrastruttura l-aktar fejn tidħol il-provvista tad-dawl, l-ilma u d-drenaġġ. Il-Ministru Zammit Dimech qal li xogħol ieħor ta’ restawr twettaq fuq il-mina ta’ Santa’ Liena f’Bormla, il-mina ta’ Sant’Anna fl-Isla u l-Mina ta’ Couvre Porte fil-Birgu. Hu fakkar ukoll fit-twaqqigħ tal-ħajt tat-Tarzna li kien qed joħnoq iċ-ċentru ta’ Bormla u li nbidel f’ħajt baxx b’ħadid dekorattiv fuqu. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-pass li jmiss kien il-proġett tal-Baċir Numru 1 li għandu jagħti ħajja ġdida lill-Bormla. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-proġett tal-Forti Sant’Anġlu bejn il-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura u l-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura, is-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Cottonera Waterfront Group kien se jwassal sabiex il-Forti Sant’Anġlu jiġi riabilitat u jerġa’ jieħu postu bħala wieħed mill-fortifikazzjonijiet l-aktar importanti f’pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow