Left arrow Mur Lura

BIL-ĦIDMA FLIMKIEN NEGĦLBU KULL SFIDA

pr0007
Date Icon 05/01/2006

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li huwa normali f’dan iż-żmien, illi niltaqgħu nawguraw lil xulxin l-isbaħ xewqat għas-sena il-ġdida. Il-Ministru qal dan fid-diskors li għamel waqt ikla fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-FATTA. 

Hu qal li  huwa żmien ukoll li nħarsu lura u nikkumentaw fuq is-sena li għadha kif spiċċat. Hu tenna li hu propju dan li se jagħmel. Hu qal li jixtieq li fil-qosor jagħti ħarsa lura lejn x’ġara fil-qasam tat-turiżmu f’Malta fit-tnax il-xahar li għaddew. Li jixtieq ukoll jaqsam mal-membri tal-FATTA dak li jawgura li jiġri din is-sena u x’ħidma beħsiebna nwettqu sabiex dan isir. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-sena 2005 kienet sena ta’ importanza kbira għall-industrija tat-turiżmu għal tliet raġunijiet prinċipali:

o     kienet is-sena li fiha ksibna riżultati pożittivi li jagħtuna kuraġġ għall-ġejjieni;

o     kienet sena li fiha rristrutturajna l-Awtorità tat-Turiżmu; u

o     kienet is-sena li fiha ospitajna il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth u l-European Tourism Forum b’suċċess.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li uża l-plural mhux għax qed jirreferi għall-Gvern b’mod kollettiv imma għaliex jemmen li dak li sar din is-sena twettaq għax ilkoll flimkien ġbidna ħabel wieħed. Hu qal li dan hu il-fatt li l-aktar li tispikka għalih is-sena li għaddiet, jiġifieri kemm nistgħu nkunu aktar effettivi meta lkoll naħdmu għall-istess skop.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li semma t-tliet landmarks tas-sena li għaddiet. Hu qal li r-riżultati pożittivi li ksibna, speċjalment mis-suq Ingliż huma sinifikanti għax jixhdu interess ġdid jew mill-ġdid minn operaturi li fl-aħħar snin kienu qed inaqqsu l-volum tax-xogħol lejn pajjiżna. Hu qal li din il-bidla ma saritx b’kumbinazzjoni. “Saret wara ħidma intensiva, wara laqgħat fit-tul ma’ operaturi kbar li fihom smajna x’riedu mingħandna. Il-messaġġ li huma tawna aħna ddiskutejnieh mar-rappreżentanti ta’ l-industrija lokali, inkluż mal-FATTA,” qal il-Ministru Zammit Dimech li żied li rridu fix-xhur li ġejjin inkomplu nibnu fuq din il-ħidma. Hu qal li din il-ħidma twettqet fl-istess ħin li l-Awtorità tat-Turiżmu kienet ghaddejja bil-proċess tar-ristrutturar u fakkar kif fil-konferenza annwali ta’ l-Awtorità tkellimna ħafna fuq ir-ristrutturar u għalhekk ma kienx fi  ħsiebu jidħol f’dan is-suġġett. Hu tenna kelma ta’ ringrazzjament għal kull min fehem li dan hu proċess li biex isir sew irid iż-żmien tiegħu. Hu sostna li din s-sena rridu nibdew naraw il-benefiċċji ta’ dan il-proċess.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din kienet ukoll is-sena taċ-CHOGM u l-European Tourism Forum. “Hawn irrid ngħid grazzi partikolari lid-dirigenti tal-FATTA għall-appoġġ bla heda li taw li dawn iż-żewġ konferenzi. Naħseb li lkoll qbilna li bid-dinja tħares lejna ridna noħorġu bl-unuri. U hekk għamilna. Kull min ta sehmu żgur li llum iħares lura u jħossu kburi. Naf ukoll li hemm min qed ihares lura u jgħid la konna kapaċi nagħmlu hekk għax ma nidħlux għall-iktar minn dan ix-xogħol. Dan huwa l-ħsieb tagħna lkoll”, qal il-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-sena li ġejja se nkomplu nibnu fuq ix-xogħol li għamilna. Hu tenna li għandna sfidi kbar għax il-kompetizzjoni qiegħda kull ma jmur tiħrax, iżda għandna wkoll opportunitajiet kbar li joħorġu l-aktar mill-prodott turistiku uniku ta’ pajjiżna.  

Il-Ministru Zammit Dimech ħa wkoll l-opportunità ta’ din il-laqgħa biex iħabbar li din is-sena l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu se tintensifika bil-kbir il-ħidma tagħha fil-qasam tal-marketing, anke b’riżultat tal-flus kollha li ffrankat (Lm600,000) fuq ħlasijiet amministrattivi. Il-ħidma ta’ l-Awtorità fis-sena l-ġdida se tinkludi kampanja ta’ pubbliċità favur Malta fuq in-network televisiv internazzjonali CNN, u fil-ġimgħat li ġejjin se jkollna ‘crew’ professjonali ta’ l-istess stazzjon f’pajjiżna biex jieħu filmati apposta għal dan l-iskop.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li rridu nagħmlu hu li niżguraw li dan il-prodott niżviluppawh u nbiegħuh bl-aħjar mod. Hu qal li dan hu li rridu nagħmlu flimkien. Il-Ministru Zammit Dimech sostna li kien żgur li jekk inkomplu naħdmu kif ħdimna f’din is-sena li għaddiet negħlbu kull sfida.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow